STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Taħt il-lenti t-twettiq tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza
It-twettiq tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+ li tkopri sal-2027 ġiet diskussa f'konferenza nazzjonali mtella' mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg tkellmet dwar ir-riformi leġiżlattivi li twettqu fl-aħħar xhur biex titkompla l-aġenda riformista favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem.
Hija semmiet l-emendi leġislattivi li saru fl-aħħar xhur biex fost oħrajn taw id-dritt li persuni non-binary jkunu reġistrati hekk fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom u l-emendi li saru biex issaħħet iktar il-liġi li tipprojbixxi l-proċessi qarrieqa tal-prattiċi ta' konverżjoni.
Is-segretarju parlamentari qalet li minn meta 20 sena ilu sar l-ewwel Pride March f'Malta, saret revoluzzjoni fl-għarfien tad-drittijiet tal-individwi LGBTIQ+ biex ikollhom id-drittijiet ċivili li saħqet li huma drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Żiedet tgħid li kif għamlet fl-aħħar snin, Malta ser tkompli tippromwovi dawn id-drittijiet fil-fora internazzjonali meta s-sena d-dieħla ser ikollha l-presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. Qalet li Malta kisbet għarfien internazzjonali tant li għad-disa' sena reġgħet klassifikat fl-ewwel post fl-indiċi Ewropew fil-ħarsien tad-drittijiet ta' din il-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg temmet billi qalet li bħala pajjiż għamilna ħafna progress fil-liġijiet li jagħtu d-dinjità u l-ugwaljanza lill-persuni LGBTIQ+, iżda trid tissokta l-ħidma b'aktar impenn biex jingħelbu l-ostakli u l-preġudizzji li jikkawżaw inġustizzji u diskriminazzjoni kontra persuni f'din l-istess komunità.
Intant, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala parti minn din il-ħidma, ħarreġ 'il fuq minn 1,700 uffiċjal tal-Pulizija, fosthom dwar il-leġiżlazzjoni li ġiet implimentata f'dawn l-aħħar snin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN