STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA Imfakkar il-25 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu
Kien propju fil-bidu ta' Settembru tal-1999 meta twaqqfet dik li llum hija l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
F'dawn il-25 sena minn mindu bdiet topera din l-istess entità hija ħadmet bi sħiħ biex il-viżibilità tal-Gżejjer Maltin tixxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja b'mod u manjiera li pajjiżna jkun f'pożizzjoni b'saħħitha li jattira t-turisti lejh ta' kull sena.
Biex ikun imfakkar dan l-anniversarju importanti, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tellgħet avveniment li fih kienu mistiedna eks Ministri għat-Turiżmu li kienu responsabbli minn din l-entità sa mit-twaqqif tagħha, Chairmen u Kapijiet Eżekuttivi passati kif ukoll il-ħaddiema kollha li servew jew għadhom iservu fl-imsemmija entità. Dan l-avveniment itella' fil-Berġa tal-Italja, il-Belt Valletta, il-binja li sa ftit tas-snin ilu kienet tinkorpora fiha l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Din is-serata ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u ċ-Chairman Gavin Gulia.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo rrimarka l-fatt li minkejja li minn żmien l-Indipendenza sal-lum pajjiżna kiber, avvanza u ddiversifika l-ekonomija tiegħu xorta għadu jara t-turiżmu bħala l-aktar industrija importanti biex l-ekonomija Maltija tkompli tikber. “Għas-snin li ġejjin, l-istrateġija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f'dan ir-rigward hija li nwessgħu l-pakkett turistiku tagħna bbażat fuq żewġ punti importanti: kwalità ogħla u sostenibbilità. Minkejja s-suċċessi storiċi li ksibna fl-aħħar snin, jeħtieġ li nkomplu nieħdu deċiżjonijiet importanti. Fil-ġimgħat li ġejjin l-Awtorità ser tkun qiegħda tieħu rwol ċentrali biex mhux ixxekkel imma testrada l-investment fejn verament hu meħtieġ permezz ta' azzjonijiet tanġibbli u effettivi li permezz tagħhom inħarsu lejn standards aħjar fil-postijiet tal-akkomodazzjonijiet tagħna," iddikjara l-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef saħaq kif iħares b'sodisfazzjon lejn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena fejn b'ħidma kollettiva inkiseb is-suċċess. “Mhux dejjem kien faċli, imma fl-aħħar mill-aħħar it-turiżmu hu settur ta' kulħadd. Għalhekk, ilkoll għandna naħdmu flimkien għall-ġid ta' pajjiżna u nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li ksibna s'issa. Nara futur fejn it-turiżmu jkompli jkun pilastru prinċipali tal-ekonomija Maltija, u mezz kif intejbu l-għejxien fil-Gżejjer tagħna," sostna Micallef.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia enfasizza t-trasformazzjoni tal-MTA matul dawn l-aħħar 25 sena u l-irwol kruċjali tagħha fid-diversifikazzjoni tal-offerti turistiċi ta' Malta. “Is-suċċess tagħna huwa dovut għad-dedikazzjoni u l-passjoni ta' dawk kollha li ħadmu fl-Awtorità, kemm fil-passat kif ukoll fil-preżent, li emmnu fl-istess viżjoni, li jagħmlu lil Malta waħda mill-aqwa destinazzjonijiet fid-dinja," temm jgħid is-Sur Gulia.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN