STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul jattendi l-Bled Strategic Forum fl-Islovenja
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul attenda l-konferenza internazzjonali fl-Islovenja magħrufa bħala 'Bled Strategic Forum'. Din il-konferenza tilqa' fiha numru ta' mexxejja politiċi minn madwar id-dinja, akkademiċi u diriġenti ta' organizzazzjonijiet globali.
Din il-konferenza kienet indirizzata, fost l-oħrajn, mill-President u l-Prim Ministru tal-Islovenja, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres.
Hawn ġew diskussi l-isfidi prinċipali li l-Ewropa għaddejja minnhom u d-direzzjoni li għandha tittieħed għal dak li hemm bżonn bħala triq 'il quddiem. Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm it-tisħiħ fid-dinja tax-xogħol, is-sostenibbiltà u kif, fost l-oħrajn, l-innovazzjoni tista' ssaħħaħ id-dinja tax-xogħol.
Fil-marġini ta' din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kellu laqgħa mal-Ministru Sloven għat-Trasformazzjoni Diġitali, Dr Stojmenova Duh. L-Islovenja hija minn ta' quddiem nett fejn tidħol l-innovazzjoni, fejn saħansitra hija kkunsidrata wkoll bħala wieħed mill-iktar pajjiżi avvanzati fl-Ewropa fejn tidħol riċerka dwar l-intelliġenza artifiċjali.
Waqt din il-laqgħa bilaterali bejn Ellul u Duh, ġew diskussi l-aħjar prattiċi ta' kif id-dinja tax-xogħol tista' tibqa' tissaħħaħ bis-saħħa tal-innovazzjoni, liema fattur iġib miegħu impjiegi ta' kwalità u li jħallu valur miżjud.
Ellul tenna li huwa jħares 'il quddiem biex flimkien mal-Islovenja u pajjiżi oħra jibqa' jkun hemm dan id-djalogu b'saħħtu sabiex tagħrif dwar l-aħjar prattiċi li jwassal għal żvilupp sostenibbli jibqa' jingħata prijorità internazzjonalment.
Waqt din il-konferenza, Ellul faħħar l-inizjattiva tal-Gvern Sloven li ta' kull sena jorganizza din il-konferenza internazzjonali, konferenza li qed tħalli impatt pożittiv fejn tidħol dinja tax-xogħol sostenibbli. Dan anke fil-kuntest li l-qalba diġitali u dik ambjentali qed jingħataw prijorità anke mill-Gvern Malti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN