STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Waslu biex jiġu finalizzati x-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl f’Ħaż-Żebbuġ
Wasal biex jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl f’Ħaż-Żebbuġ. Din il-kappella hija waħda mill-proġetti magħżula taħt l-iskema ta’ restawr għall-kunsilli Lokali. Dan il-proġett kien propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ u x-xogħol ta’ restawr beda f’Settembru 2023.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, waqt żjara fuq il-post, saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-proġetti biex tkompli tiġi ppreservata l-identità storika u kulturali tagħna. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti f’dan il-proġett.
“Ir-restawr tal-Kappella tal-Madonna tad-Dawl huwa xhieda ta’ kemm hija importanti l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna. Dan biex niżguraw li s-siti storiċi jibqgħu parti mill-komunità tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-kappella ddedikata lill-Madonna tad-Dawl hija waħda mill-eqdem kappelli f’Ħaż-Żebbuġ. Qabel inbniet din il-kappella, fuq il-post kienet teżisti kappella oħra. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1941, il-kappella ħelset minn ħsarat kbar meta bomba waqgħet fil-viċin iżda ma splodietx. Madanakollu, meta l-bomba ġiet sploduta fil-post, il-kappella ġarrbet ħsara konsiderevoli fil-kampnar. Il-ħsara kienet ġiet irranġata sabiex il-kappella setgħet tkompli tintuża.
Ix-xogħol kollu, mill-bidu tad-dokumentazzjoni, l-applikazzjoni għall-permess mal-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll ix-xogħol fuq il-kappella nnifisha, qiegħed isir mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Konservazzjoni. F’dan l-istadju tal-proġett tlestew diġà l-faċċati tal-ġnub u ta’ wara. Fadal ftit xogħol xi jsir fuq il-faċċata prinċipali u fuq il-kampnar.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Steve Zammit Lupi u diversi membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN