Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Riforma fil-liċenzjar tal-bennejja b’regolamenti ġodda u twaqqif ta’ kumitat ġdid

pr241308
Date Icon 07/08/2024

F'laqgħa mal-ġurnalisti, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar illi ġew ippubblikati r-regolamenti ġodda dwar il-liċenzjar tal-bennejja.

Ir-regolamenti l-ġodda dwar il-liċenzjar tal-bennejja daħlu bħala Liġi Sussidjarja taħt Kapitolu 623 tal-Liġijiet ta' Malta, li jistabbilixxi l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bil-Ministru Attard jgħid li huwa kkunsidrat li dan il-qasam tal-bennejja ilu ma jara riforma sinifikanti fih għal aktar minn 100 sena.

Il-Ministru qal li din il-ħidma li wasslet għal dan il-pass ma kinitx biss imsejsa fuq il-feedback li daħal mill-konsultazzjoni pubblika, imma wkoll riżultat ta' djalogu ma' numru ta' stakeholders inklużi l-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi, il-Malta Developers Association u l-Kamra tal-Periti.

“Dan huwa aspett kruċjali tal-proċess ta' riforma li għaddej fis-settur, immirat lejn it-titjib kontinwu tal-istandards. Aħna nirrikonoxxu l-importanza li nkomplu ntejbu d-djalogu mal-partijiet interessati ewlenin. Bl-istess mod, aħna nifhmu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni leġislattiva u amministrattiva. Dawn ir-regolamenti se jistabbilixxu l-pedament għal riformi addizzjonali fis-settur, inkluż l-istabbiliment eventwali ta' klassifikazzjonijiet," qal il-Ministru Attard.

Dawn ir-regolamenti se jwasslu għat-tneħħija gradwali tal-liċenzji maħruġa taħt il-kodiċi tal-Pulizija. Ir-regolamenti se jkunu qed jipprovdu definizzjoni aġġornata tal-Bennej jew Bennej liċenzjat u jistabbilixxi wkoll ir-responsabiltà tiegħu.

Ir-regolamenti se jkunu qed jipprovdu proċeduri fir-rigward ta' proċessar t'applikazzjonijiet tal-Bennejja, it-tiġdid tal-liċenzja, sospensjoni u t-teħid tal-istess liċenzja.

Il-liċenzji se jkunu qed jinħarġu minn Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Bennejja, kompost minn persuni li għandhom għarfien fis-settur, inkluż bennej liċenzjat u 2 Periti bil-Warrant. Dan il-kumitat se jingħata l-appoġġ amministrattiv mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u għandu jkollu wkoll il-funzjoni li jorganizza l-eżami neċessarju, iżomm reġistru u jagħmel rakkomandazzjonijiet meħtieġa rigward policies li għandhom x'jaqsmu mas-sengħa tal-bennej.

Din il-Liġi Sussidjarja taħt l-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tistabbilixxi wkoll il-prerekwiżiti illi applikant għandu jilħaq sabiex l-applikazzjoni tiegħu tkun ikkunsidrata mill-istess kumitat. Tipprovdi wkoll is-setgħa lill-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni li titlob lill-bennejja liċenzjati sabiex jattendu korsijiet ta' aġġornament li jkunu neċessarji minn żmien għal żmien, liema korsijiet ikunu wkoll marbuta mat-tiġdid tal-liċenzja kull sentejn.

Ir-regolamenti jipprovdu wkoll deterrent effettiv għal dawk li jiksru l-liġi, inkluż meta jassumu s-sengħa ta' bennej b'liċenzja sospiża, jaħdmu mingħajr liċenzja valida jew jonqsu milli jħarsu l-kundizzjonijiet tal-istess liċenzja. Dan apparti l-possibilità ta' sospensjoni jew revoka tal-liċenzja.

Ir-regolamenti jinkludu wkoll proċess tranżitorju biex jiffaċilita t-tneħħija gradwali tal-liċenzji maħruġa taħt il-Kodiċi tal-Pulizija favur dawk maħruġa taħt ir-regolamenti l-ġodda. Għaldaqstant dawk kollha li għandhom liċenzja ta' Bennej li hija valida se jitħallew joperaw, imma fl-istess waqt se jkunu mitlubin japplikaw għat-tiġdid tal-liċenzja tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2024 biex verament naslu għal kultura ta' responsabiltà fis-settur.

“Din hija riforma oħra li tixhed l-impenn tagħna li nkomplu nirriformaw is-settur, b'ħidma li qed isir fuq tliet binarji u b'konformità mal-manifest elettorali, mal-inkjesta marbuta mal-mewt traġika ta' Jean Paul Sofia u inizjattivi ulterjuri li qed jittieħdu mill-Gvern u mill-awtoritajiet rispettivi," temm jgħid il-Ministru Attard.

F'din il-laqgħa mal-ġurnalisti pparteċipaw ukoll il-Perit Simon Saliba, Chairman tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, il-⁠Perit Roderick Bonnici, Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, il-⁠Perit Godwin Agius, Chairman tal-Kumitat tal-Bennejja, u ⁠l-Avukat Ivan Meli, Konsulent fil-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.

Il-helpline l-ġdid 138, li tnieda fil-bidu ta' din il-ġimgħa, se jkun jista' jiġi utilizzat minn dawk kollha li jeħtieġu aktar informazzjoni dwar din l-aħħar minn sensiela ta' riformi li qed iseħħu fis-settur.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Riforma fil-liċenzjar tal-bennejja b’regolamenti ġodda u twaqqif ta’ kumitat ġdid
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Riforma fil-liċenzjar tal-bennejja b’regolamenti ġodda u twaqqif ta’ kumitat ġdid
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow