STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Imniedi l-helpline 138 – Sistema ċentralizzata 24/7 għal dak kollu relatat mal-kostruzzjoni, s-saħħa u s-sigurtà
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard nieda helpline ġdid li se jkun punt ta' referenza, 24 siegħa kuljum, għal dak kollu li għandu x'jaqsam mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Mil-lum, aġenti mħarrġa professjonalment se jkunu jistgħu jgħaddu t-telefonati taċ-ċittadini lill-awtoritajiet rispettivi.
“Din hija inizjattiva oħra minn sensiela ta' riformi u servizzi ġodda li ħabbarna u li se nkomplu nħabbru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex inkomplu ngħollu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan il-helpline ġdid huwa wkoll konferma tal-impenn tagħna li b'servizzi ġodda nagħtu vuċi aktar b'saħħitha u effettiva lill-ħaddiema u lil min huwa affettwat mis-settur tal-kostruzzjoni," sostna l-Ministru Jonathan Attard.
Il-ministru kompla biex jirringrazzja lis-Sinjura Isabelle Bonnici li kienet preżenti għat-tnedija ta' dan is-servizz. Huwa spjega li żamm kuntatt regolari mas-Sinjura Bonnici inkluż fuq servizzi oħra li għaddejja ħidma fuqhom.
Dan il-kuntatt wassal biex ġie identifikat in-numru ta' dan il-helpline: 138, li jirrappreżenta d-data tat-twelid ta' Jean Paul Sofia.
Il-ministru qal ukoll li huwa jemmen li l-ħidma li qed issir fuq ir-riformi li qed jitwettqu f'dan is-settur għandhom isiru b'rispett lejn il-vittmi kollha u l-familjari tagħhom, iżda sostna li dan is-servizz għandu jfakkar il-ħajja ta' Jean Paul Sofia.
“Dan il-helpline huwa wieħed minn ħames inizjattivi immedjati li ħabbarna fl-aħħar ta' Frar li għadda. Bit-tnedija tiegħu u inizjattiva oħra ta' assistenza ta' Avukati u Periti bla ħlas għal terzi affettwati mill-kostruzzjoni li se nkun qed inħabbar dalwaqt, flimkien ma' riformi leġislattivi importanti bħal-liġi l-ġdida tal-OHSA, fi żmien sitt xhur se nkunu wettaqna l-maġġoranza assoluta ta' dawn l-inizjattivi," temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol Dr Josianne Cutajar spjegat li l-Awtorità b'kollaborazzjoni ma' servizz.gov waqqfet kuntatt ta' emerġenza fejn l-aġent minn servizz.gov se jkun kapaċi jidentifika sitwazzjonijiet ta' riskju għoli, bħalma huma ħaddiema jaħdmu fuq il-pont mingħajr ilbies protettiv jew każi ta' periklu serju fejn inġenji jintużaw fuq soqfa, u jgħaddihom dirett lil din il-linja biex tittieħed azzjoni fl-immedjat.
Bl-istess mod se jservi biex l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tkompli ssaħħaħ l-aspett regolatorju u ta' infurzar, bl-Aġent Kap Eżekuttiv il-Perit Roderick Bonnici jelenka wkoll numru ta' servizzi li se jkunu koperti bil-helpline 138, fosthom domandi relatati mar-regolamenti dwar l-evitar ta' ħsara lil proprjetà ta' terzi, regolamenti dwar il-ġestjoni tas-siti, energy performance certificate u l-liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta' Servizz.gov is-sur Massimo Vella, is-sur Emanuel Grech mill-Information Management Unit tal-Ministeru tal-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u ħaddiema miż-żewġ awtoritajiet.
Il-konferenza tal-aħbarijiet inżammet fl-uffiċini tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, bil-Ministru Jonathan Attard isellem il-memorja tal-Inġinier Robert Schembri, membru dedikat tal-bord tal-BCA, li tilef ħajtu traġikament fi tmiem il-ġimgħa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN