Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Rapport Annwali u Dikjarazzjonijiet Finanzjarji tal-NAO – 2023

pr241179
Date Icon 09/07/2024

L-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara ppreżenta r-rapport, fuq imsemmi, lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia.

Dan ir-Rapport estensiv u informattiv jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet, il-kisbiet u l-prestazzjoni finanzjarja tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) matul l-2023. Ir-Rapport jenfasizza avvenimenti, inizjattivi u kollaborazzjonijiet notevoli li saru mill-Uffiċċju.

Fid-daħla tiegħu, l-Awditur Ġenerali jirrifletti l-aktar fuq żviluppi u riżultati ewlenin miksuba matul l-2023. Dawn kienu jinkludu t-tlestija tal-Pjan ta' Awditjar tal-NAO għall-2023, il-ħruġ ta' 14-il pubblikazzjoni, il-formulazzjoni tal-Pjan Strateġiku l-ġdid tal-NAO għall-perjodu 2024-2028, u l-parteċipazzjoni tal-Uffiċċju f'numru notevoli ta' avvenimenti lokali u internazzjonali. Inċidentalment, jikkonkludi d-daħla tiegħu b'referenza għall-messaġġ ta' apprezzament mill-qalb mill-eks President, Dr George Vella, lill-istaff kollu fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika waqt l-aħħar żjara uffiċjali tiegħu fl-Uffiċċju bħala President ta' Malta għax-xogħol utli u professjonali mwettaq mill-Uffiċċju.

Id-Deputat Awditur Ġenerali jiddiskuti l-Pjan Strateġiku tal-NAO 2024-2028, jiddeskrivi l-ħames miri strateġiċi inklużi fil-Pjan, u jirreferi għall-formulazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi.

Ir-Rapport jinkludi artiklu akkademiku mill-Professur Josette Caruana – akkademika residenti fl-Università ta' Malta li għandha esperjenza estensiva fil-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku – dwar 'Il-kwalità tal-awditjar, ir-responsabbiltà, u x-xenqa politika tal-leġislatur'. L-awtriċi enfasizzat għadd ta' fatturi meqjusa rilevanti għall-kwalità u r-responsabbiltà tal-awditjar tas-settur pubbliku, għal kunsiderazzjoni potenzjali mil-leġislatur.

L-Ewwel Parti tar-Rapport tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-ambjent estern li fih jopera l-NAO, li jiffoka prinċipalment fuq il-finanzi pubbliċi. Jiddeskrivi wkoll l-istruttura ta' governanza kif ukoll ir-riżultati u l-attivitajiet tad-diversi sezzjonijiet ta' verifika u amministrattivi tal-Uffiċċju. Ir-relazzjoni professjonali tal-Uffiċċju mal-partijiet interessati lokali u internazzjonali tiegħu – mingħajr ma tfixkel l-indipendenza tiegħu – hija diskussa wkoll fid-dettall f'din il-parti tar-Rapport.

It-Tieni Parti tippreżenta l-mudell tal-organizzazzjoni tal-NAO, li jispjega kif l-Uffiċċju jittrasforma l-inputs f'outputs u riżultati li joħolqu valur maż-żmien. Jiddeskrivi wkoll f'ċertu dettall il-proċess li wassal għall-formulazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-NAO 2024-2028. It-taqsima tispiċċa bil-prospetti tal-NAO għall-futur u kif l-Uffiċċju qed jippjana li jkompli jsaħħaħ l-operat tiegħu.

It-Tielet Parti tinkludi d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji awditjati tal-NAO, li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni finanzjarja u l-pożizzjoni tiegħu.

Ir-Rapport jista' jiġi aċċessat billi żżur il-website tal-NAO www.nao.gov.mt jew fuq il-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Biex tiftaħ il-video NAO, segwi l-link: Rapport Annwali u Rapporti Finanzjarji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika - 2023.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Rapport Annwali u Dikjarazzjonijiet Finanzjarji tal-NAO – 2023
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow