STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Follow-up Audit Reports, Pubblikazzjoni 2024 maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika
Għat-tmien sena konsekuttiva, l-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, l-ewwel volum b’ġabra ta’ għaxar rapporti ta’ segwitu għas-sena 2024.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għal darb’oħra identifika numru ta’ verifiki li saru fl-aħħar snin bl-iskop li jevalwa jekk ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi ġewx implimentati. Naturalment, kif inhu mistenni, kull istituzzjoni nazzjonali tal-verifika għandha jkollha mekkaniżmu li jassigura li r-rakkomandazzjonijiet jitwettqu fi żmien raġonevoli, sabiex dan iwassal għal titjib fil-governanza.
Sabiex ikun iddeterminat jekk sarx progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, saret analiżi ta’ dawn il-verifiki ta’ natura Finanzjarja u ta’ Konformità f’dawn l-oqsma:
• Ministeru tas-Saħħa
• Pensjoni tas-Servizz
• Housing Maintenance and Embellishment Company Limited
• Malta Industrial Parks Ltd
• Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali
• Korp tal-Pulizija ta’ Malta
• Xogħlijiet ta’ Riġenerazzjoni
• Dawl tat-Toroq u Servizzi Oħra
• Taxxa fuq Dokumenti
• Dipartiment tal-Edukazzjoni
L-eżerċizzju li sar din is-sena jindika li mas-66% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali li ġew analizzati kienu indirizzati b’mod sħiħ, parzjalment, jew qegħdin fil-proċess li jiġu mwettqa mill-entitajiet konċernati. Ir-Rapport juri wkoll il-persentaġġ ta’ rakkomandazzjonijiet implimentati għall-għaxar entitajiet imsemmija.
Din il-pubblikazzjoni hi aċċessibbli minn fuq is-sit uffiċjali tal-NAO www.nao.gov.mt jew mill-paġna tal-Facebook tal-Uffiċċju www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN