STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR: Malta tniedi inizjattiva tal-OSCE biex issaħħaħ sehem iż-żgħażagħ fl-azzjoni klimatika
Iċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg u l-Ministru Miriam Dalli jindirizzaw konferenza dwar il-klima
Malta qed tniedi “Diplomazija tal-Klima: Nagħtu s-saħħa għal Futur Reżiljenti", inizjattiva ġdida tal-OSCE biex issaħħaħ is-sehem ta' diplomatiċi żgħażagħ u esperti tekniċi fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ġimgħa, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, permezz tar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-OSCE, ippreżenta din l-inizjattiva lir-rappreżentanti tal-57 pajjiż ta' din l-organizzazzjoni multilaterali meta kienu qed jiltaqgħu f'San Ġiljan għall-Konferenza Għolja tal-Presidenza Maltija tal-OSCE dwar it-Tibdil fil-Klima.
Din l-inizjattiva ser tgħin liż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jinvolvu ruħhom b'mod infurmat f'fora internazzjonali, u biex ikunu mħejjija għall-impatti li t-tibdil fil-klima qed ikollu fuq is-sigurtà. B'hekk, ser tagħti prominenza l-aspetti pożittivi li Malta tista' tippreżenta lid-dinja f'dan il-qasam, permezz ta' snin twal ta' impenn sabiex toħloq kollaborazzjoni li tista' tindirizza din it-theddida kruċjali għas-sigurtà kollettiva tar-reġjun tal-OSCE.
Permezz tad-Diplomazija tal-Klima, Malta qed timmira wkoll li tkompli tinkoraġġixxi aktar stati tal-OSCE biex ikomplu jindirizzaw it-tibdil fil-klima, bħala parti minn ħidma aktar wiesa biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u titjieb is-sigurtà, l-għan ewlieni tal-Presidenza Maltija tal-OSCE 2024.
Il-Konferenza tal-Ġimgħa, li kellha t-tema “Insaħħu r-Reżiljenza permezz tal-Innovazzjoni u t-Tħejjija", infetħet miċ-Chairperson tal-OSCE u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.
“Fattur kritiku fit-tibdil fil-klima huwa n-nuqqas ta' ħin. Dan huwa fenomenu mgħaġġel, li kontinwament jinbidel b'ħeffa. L-urġenza li nieħdu azzjoni immedjata qatt ma kienet daqstant kbira. Irridu nsibu modi kif nadattaw kemm politikament u ambjentalment, sabiex b'mod effettiv nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex niffaċċjaw din it-theddida," stqarr il-Ministru Borg.
“It-tema ewlenija tal-konferenza tal-lum tingħaqad ma' din l-ambizzjoni. L-innovazzjoni u t-tħejjija huma importanti ferm sabiex insaħħu r-reżiljenza klimatika tagħna. Din il-konvinzjoni kienet il-motivazzjoni tagħna biex inniedu l-inizzjattiva tad-Diplomazija tal-Klima, hekk kif qed nagħtu spinta 'l quddiem l-impenn reġjonali u internazzjonali ta' Malta biex nippromwovu s-sehem taż-żgħażagħ bħala element essenzjali għal futur aktar sigur u sostenibbli," qal il-Ministru.
Il-ftuħ tal-konferenza kien indirizzat ukoll mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli. “It-tibdil fil-klima qed ikun aktar ta' theddida, u qed jintensifika t-temp estrem, b'riskji sinifikanti għan-nies," qalet il-Ministru, hekk kif spjegat li “Malta, wieħed mill-ewwel stati membri tal-Unjoni Ewropea li rratifikat it-Trattat ta' Pariġi, qed tkompli tmexxi bl-eżempju permezz tal-inizzjattivi imfassla fl-Istrateġija ta' Żvilupp b'Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju, bil-mira tan-newtralità klimatika sal-2050".
“Nemmen li l-OSCE tista' sservi ta' pjattaforma importanti biex tippromwovi ideat innovattivi u prattiċi ta' kwalità għolja, billi tuża l-istrutturi eżekuttivi u l-ħidmiet lokali tagħha sabiex tgħin lill-istati parteċipanti f'din il-missjoni konġunta biex niġġieldu t-tibdil fil-klima u niżguraw futur aktar reżiljenti għal kulħadd," temmet tgħid il-Ministru Dalli.
Malta bdiet 12-il xahar ta' Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) f'Jannar, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà", wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f'Novembru tal-2023.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN