STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Wegħda elettorali oħra mwettqa: Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport
Aktar minn 600 ħaddiem fi ħdan l-Aġenzija Sapport se jkunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom permezz ta' ftehim kollettiv ġdid li ġie ffirmat bejn l-aġenzija u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM). Il-ftehim kollettiv, li jkopri perjodu ta' ħames snin, ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Il-ftehim kollettiv ġdid, li ġie maqbul flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema stess, issa jinkludi gradi u skali li ġew ristrutturati sabiex jirriflettu responsabbiltajiet li żviluppaw matul is-snin. Għall-ewwel darba wkoll, ġiet introdotta allowance speċifika għall-ħaddiema tal-Aġenzija, li se tgħin ukoll sabiex l-aġenzija tattira ħaddiema ġodda.
Aktar enfasi qed tingħata wkoll lit-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema kollha, b'mod partikolari dawk li jaħdmu direttament mal-persuni b'diżabilità. B'hekk, permezz ta' dan il-ftehim kollettiv, l-aġenzija tista' toffri pjan ta' karriera lil Support Workers sabiex ikomplu jtejbu l-abilitajiet tagħhom kif ukoll dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f'karriera fit-tmexxija tas-servizzi. Gradi fi rwoli amministrattivi bħal finanzi, procurement u riżorsi umani, ġew rikonoxxuti wkoll f'dan il-ftehim kollettiv u jipprovdilhom opportunitajiet ta' żvilupp fil-karriera tagħhom.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif permezz tal-iffirmar ta' dan il-ftehim kollettiv, qed tkun implimentata wegħda elettorali oħra. “Fil-manifest elettorali wegħidna li se nkunu qed intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema fis-settur tad-diżabilità. L-iffirmar tal-lum jirrifletti dan l-impenn hekk kif fl-aħħar ġimgħat sensiela ta' negozjati wasslu għal qbil bejn il-Gvern u l-unjin. Inħares 'il quddiem li mhux biss nara l-impjegati preżenti jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar, iżda li permezz ta' dan il-ftehim kollettiv, inkunu f'pożizzjoni li nattiraw aktar ħaddiema lejn dan is-settur li mhux biss joffri sodisfazzjon fuq livell personali, iżda huwa wieħed ta' fejda għas-soċjetà b'mod ġenerali," temmet tgħid il-Ministru.
Il-Kap Eżektuttiv ta' Aġenzija Sapport Oliver Scicluna enfasizza kif il-ħaddiema tal-Aġenzija li ser ikunu qed jibbenefikaw minn dan il-ftehim kollettiv, għandhom rwol importanti biex l-Aġenzija tkun tista' twassal servizzi ta' kwalità u skont l-istandards mistennija u prattiċi fuq livell internazzjonali. Dan il-ftehim juri wkoll li s-settur tad-diżabilità qed jingħata l-importanza li tixraqlu.
Mario Sacco, Direttur tal-UHM Voice of the Workers laqa dan il-ftehim li se jgħin direttament lil madwar 600 ħaddiem u professjonisti li jaħdmu ma' persuni b'diżabilità. “Dan il-ftehim għandu jissarraf f'servizz ta' eċċellenza lil dawn il-persuni li huma l-klijenti tal-aġenzija. Fl-istess ħin il-ftehim iwieġeb għat-tibdil fid-dinja tax-xogħol u għandu jgħin biex aktar żgħażagħ ikunu attirati biex jibdew karriera f'dan il-qasam."
Preżenti għall-iffirmar ta' dan il-ftehim kollettiv kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards) Joyce Cassar.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN