STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Inawgurati uffiċini ġodda tal-Awtorità tad-Djar f’Għawdex
F'Għawdex, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawguraw uffiċini ġodda tal-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Roderick Galdes qal li, “Fl-aħħar snin rajna kif inwessgħu l-irwol tal-Awtorità tad-Djar biex nilħqu aktar nies u nagħmlu differenza pożittiva akbar f'ħajjithom. L-inawgurazzjoni tal-lum huwa pass ieħor li jsaħħaħ dan it-twemmin fil-mixja tagħna lejn saqaf diċenti u dinjituż għal kulħadd."
Huwa kompla jgħid li f'din is-sena rekord ta' ftuħ ta' housing soċjali u skemi, il-Gvern għaraf li jkompli jsaħħaħ l-operat u r-riżors uman tant li issa l-Għawdxin se jkollhom punt ta' referenza fejn jistgħu jaċċessaw u jiksbu informazzjoni dwar l-iskemi li toffri l-Awtorità tad-Djar.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-operat tal-Awtorità tad-Djar f'Għawdex kiber u għaldaqstant inħasset il-ħtieġa li s-servizzi offruti għandhom jimxu għal post aktar adattat li jilqa' l-esiġenzi tal-klijenti. Huwa qal li permezz tal-uffiċini l-ġodda, li huma f'post aktar ċentrali u aċċessibbli, mhux biss il-klijent ser ikun moqdi aħjar, iżda l-istess uffiċjali fi ħdan l-Awtorità ser joperaw min spazju ferm aktar komdu u il-klijent verament huwa fiċ-ċentru tas-servizz li qed jiġi offrut.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerfa qal li dan l-uffiċċju ġdid huwa pass ieħor 'il quddiem fir-riforma li qegħdin iwettqu fl-Awtorità tad-Djar, u l-impenn tal-Awtorità tad-Djar biex joffru servizz ta' kwalità lill-Għawdxin.
Fost is-servizzi li se jkunu offruti fl-uffiċini l-ġodda, l-uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar se jipprovdu assistenza lill-Għawdxin fi bżonnijiet relatati mas-settur tal-kera u l-imrewħa ta' skemi li tamministra l-Awtorità tad-Djar.
Bejn l-1 ta' Ottubru u l-15 ta' Ġunju, l-uffiċini se jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:30am u 12:00pm. Bejn is-16 ta' Ġunju u t-30 ta' Settembru, l-uffiċini se jkunu miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa minbarra l-Erbgħa, bejn is-7:30am u l-11:30am.
Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċini kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Emanuel Psaila u d-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar Joyce Farrugia.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN