STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Iffirmat ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop għal estensjoni u rinnovar ta’ Ġnien Rousset
Ġnien li għal snin twal kien mitluq se jinbidel fi spazju miftuħ għall-familji f'Ħal Kirkop
F'Ħal Kirkop, se titwettaq wegħda oħra li saret lir-residenti dik li jkollhom spazju miftuħ ieħor, hekk kif se jiġi implimentat il-proġett ta' estensjoni u rinnovar ta' Ġnien Rousset. Qal dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħolijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt l-iffirmar ta' ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop. Dan il-proġett se jsir b'investiment ta' €400,000.
Ix-xogħlijiet f'dan il-ġnien se jikkonsistu f'pavimentar u kurduni ġodda, bankijiet tal-injam iddisinjati apposta u sistema ġdida ta' dawl b'numru ta' lampi moderni u dwal oħra imqiegħda f'livell baxx biex jikkumplimentaw is-sbuħija tal-post. Se tinħadem funtana ġdida b'disinn iktar modern u sistema ġdida ta' wifi b'xejn għall-pubbliku.
Barra min hekk, dan il-ġnien se jkollu żona ġdida fejn jilgħabu t-tfal filwaqt li se jiżdiedu wkoll numri ta' parkeġġi għall-karozzi fuq barra. Se ssir preservazzjoni tas-siġar eżistenti li joffru medded kbar ta' dell u se titkabbar il-footprint ħadranija b'numru ta' sodod tal-fjuri kkuluriti.
Il-punti ta' aċċess għall-ġnien mill-bankini tal-madwar se jkunu kollha aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal, “Din iż-żona sabiħa tal-pajjiż għandha karatteristiċi uniċi u filwaqt li dawk se nippreservawhom se nkomplu nagħtu valur miżjud lil dawn l-inħawi bi spazji ħodor u miftuħa għall-familji. Dan il-Gvern kommess li jkompli jinvesti f'dawn il-komunitajiet u f'Ħal Kirkop se nagħtu lill-familji ġnien ieħor mill-isbaħ, li huwa wieħed minn sensiela ta' proġetti li minnu se jgawdu l-Koppin u n-nies tal-madwar."
Is-Sindku ta' Ħal Kirkop Terence Agius radd ħajr lid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dan il-proġett li ddeskrivih bħala wieħed bżonnjuż ferm għall-lokalità. Huwa qal li jħares 'il quddiem biex dan il-proġett jitressaq għall-konsultazzjoni tar-residenti u wara jibdew il-proċeduri biex jiġi implimentat fl-inqas żmien possibbli.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN