STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-qagħda umanitarja mwiegħra tal-Palestinjani f’Gaża u Rafah laħqet livell katastrofiku – il-Ministru Ian Borg
Malta tappella għal soluzzjonijiet tanġibbli u dejjiema għall-paċi fil-Lvant Nofsani
“Il-qagħda umanitarja mwiegħra ta' eluf ta' Palestinjani f'Gaża, u issa f'Rafah, laħqet livell katastrofiku. Jeħtieġ nagħmlu l-almu kollu tagħna biex nerġgħu nagħtu l-ħajja l-proċess ta' paċi lejn soluzzjoni dejjiema ta' żewġ stati." Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg saħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' soluzzjonijiet tanġibbli ta' paċi fil-Lvant Nofsani waqt li kien qed jieħu sehem fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fi Brussell, it-Tnejn filgħodu.
Il-Ministru appella lill-komunità internazzjonali biex tkompli tinsisti għal waqfien mill-ġlied immedjat fl-Iżrael u l-Palestina bħala l-unika triq biex tintemm din it-traġedja umana, kif ukoll bħala pass effettiv 'il quddiem għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha f'Gaża u ż-żieda fl-għajnuna umanitarja lill-familji Palestinjani.
Huwa enfasizza l-importanza li l-Awtorità Palestinjana tingħata l-appoġġ, sabiex issaħħaħ ir-rwol strumentali tagħha fiż-żamma tal-istabbiltà fir-reġjun.
“Nilqgħu l-isforzi li saru s'issa biex tittaffa t-tbatija f'Gaża, inkluż il-ħidma tal-aġenziji umanitarji f'dawn il-komunitajiet. Madankollu, l-isforzi tagħna jidher ċar li huma biss qatra f'oċean ta' bżonnijiet kbar li n-nies f'dan ir-reġjun qed ikomplu jiffaċċjaw," qal il-Ministru Ian Borg.
Malta tirrifjuta bil-qawwa l-aħħar invażjoni f'Rafah, afferma l-Ministru, hekk kif esprima t-tama li l-Unjoni Ewropea għadha tista' tikkonvinċi lill-Iżrael biex itemmha.
Waqt il-laqgħa tat-Tnejn, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin mill-Unjoni Ewropea laqgħu wkoll Ministri mill-Qatar, l-Arabja Sawdija, l-Eġittu, il-Ġordan u l-Emirati Għarab Magħquda, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, għal skambju importanti dwar l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani.
F'sessjoni separata, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea ddiskutew ukoll il-gwerra fl-Ukrajna, bil-parteċipazzjoni (permezz ta' video teleconference) tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba. Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Ian Borg irrefera għas-Summit tax-xahar id-dieħel dwar il-Paċi fl-Ukrajna, u ħeġġeġ lill-istati membri biex jibdlu dan l-avveniment fi pjattaforma effettiva għal negozjati li jistgħu jtemmu l-gwerra, fuq il-bażi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.
“Il-komunità internazzjonali għandha rwol importanti fil-ħarsien tas-sovranità u l-integrità territorjali fl-Ukrajna. Irridu nkomplu ninsistu li nżommu l-ordni bbażata fuq id-dritt," żied jgħid il-Ministru Ian Borg.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN