STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-INDAFA PUBBLIKA Naħdmu id f’id mal-komunitajiet: servizz ġdid għat-tindif wara l-festi
Illum tħabbret skema ġdida li permezz tagħha d-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u Tindif se toffri s-servizzi tagħha bla ħlas għat-tindif matul il-jiem tal-festi fil-lokalitajiet Maltin.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni Ramon Deguara spjega li bħala Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni qed testendi s-servizzi tagħha lill-komunitajiet fejn ikunu organizzati l-festi u dan se tagħmlu bla ħlas bħala mezz ta' kif id-diviżjoni tagħti lura lis-soċjetà.
Għaldaqstant, din l-iskema se tkun qed tingħata bla ħlas għal dawk il-kunsilli u l-għaqdiet tal-festi kollha li volontarjament japplikaw għaliha permezz ta' talba uffiċjali lid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield qal li jeħtieġ sforz kollettiv biex nieħdu ħsieb pajjiżna b'kull mod. “Irridu naħdmu id f'id mal-lokalitajiet għaliex aħna naħdmu għan-nies u l-festi huma tan-nies, il-qofol ta' kull lokalità."
Is-segretarju parlamentari qal li skemi bħal dawn huma possibbli grazzi għall-investiment multimiljunarju li sar mid-diviżjoni fl-aħħar teknoloġiji assistiti mill-Intelliġenza Artifiċjali. “Nistgħu nidħlu għal dan l-impenn għaliex għandna fiduċja fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema tagħna u qed ninvestu fihom, tant li għadna kif ħabbarna żidiet fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol".
“Dan kollu jixhed is-sostenn u l-impenn tagħna lejn pajjiż iżjed nadif u miżmum kif għandu jkun. Dan għaliex permezz ta' investiment b'saħħtu kemm fir-riżorsi teknoloġiċi u wisq aktar, fir-riżorsa umana tagħna, qed jirnexxilna nwessgħu s-servizzi li noffru madwar il-komunitajiet Maltin kollha," kompla s-segretarju parlamentari.
Huwa rringrazzja lill-għaqdiet kollha li jaħdmu b'tant passjoni waqt żmien il-festi u spjega li permezz ta' din l-iskema se jkun qed jara li d-diviżjoni taħdem id f'id mal-attivisti u mal-lokalitajiet kollha sabiex il-belt jew ir-raħal jerġgħu jiġu lura għal li kienu fl-inqas ħin possibbli.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926