STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Il-Gvern b’aktar għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li ġew imqassma pagamenti diretti lill-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin, b’allokazzjoni li tlaħħaq l-€14-il miljun taħt diversi skemi ta’ għajnuna finanzjati minn Fondi Ewropej u dawk nazzjonali.
Il-Ministru Refalo ħabbar ukoll li qed terġa’ tiġi imnedija l-iskema għax-xiri ta’ fertilizzanti, b’allokazzjoni ta’ kważi €4 miljun. Din l-iskema hija intiża sabiex tkompli ttaffi ftit mill-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet tal-prodotti impurtati. “Bħala Gvern se nkunu qegħdin inkomplu nappoġġjaw lill-bdiewa permezz ta’ pagamenti dirett mogħtija abbażi tal-art eliġibbli li għandhom, u li se jservu bħala kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti kimiċi u sintetiċi,” sostna l-Ministru Refalo.
Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin lil dan is-settur mhux biss permezz ta’ fondi Ewropej, iżda wkoll permezz ta’ fondi nazzjonali, sabiex flimkien mal-bdiewa jkomplu jsaħħu u jiżguraw is-sostenibbiltà kontinwa tas-settur agrikolu Malti u Għawdxi fil-ġejjieni.
“Dan li ħabbarna llum jirrifletti dak li ksibna permezz tan-negozjati fir-rigward tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni, fejn il-pagamenti diretti għall-bdiewa u r-raħħala irrdupjaw,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Id-Direttur Ġenerali tal-ARPA, Louisa Formosa, spjegat li l-iskemi ta’ għajnuna li ingħataw pagamenti diretti kienu jinkludu l-Appoġġ Bażiku għall-Introjtu għas-Sostenibbiltà; Pagament għall-Bdiewa b’Azjenda Agrikola Żgħira; Appoġġ Kumplimentari għall-Introjtu għall-Bdiewa Żgħażagħ; l-Eko-skemi; Appoġġ Akkoppjat għall-Introjtu li jkopri s-setturi tal-ħalib, taċ-ċanga, tan-nagħaġ u tat-tadam għall-ipproċessar; Impenji Agro-Ambjentali-Klimatiċi; Biedja Organika; u l-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jċempel lill-ARPA fuq 22926148 jew jibgħat email fuq arpa.mafa@gov.mt. Aktar dettalji dwar l-iskema jistgħu jiġu aċċessati mil-linji gwida dettaljati li jinsabu fuq is-sit www.arpa.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926