STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: “Nistgħu niksbu ħafna iktar jekk nibqgħu magħqudin fil-valuri tagħna” – il-Ministru Ian Borg
Il-133 Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jfakkar il-75 anniversarju ta' din l-organizzazzjoni
“Meta nħarsu lura lejn 75 sena ta' kisbiet, fejn ħdimna flimkien fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, insaħħu d-determinazzjoni tagħna dwar kemm nistgħu niksbu aktar jekk nibqgħu magħqudin fil-valuri tagħna." Nhar il-Ġimgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg afferma mill-ġdid l-impenn ta' Malta li ssostni l-prinċipji u l-valuri li fuqhom ġie mwaqqaf il-Kunsill tal-Ewropa, waqt li indirizza l-133 Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-okkażjoni tal-75 Anniversarju ta' din l-organizzazzjoni.
Filwaqt li nnota l-fatt li l-laqgħa ħabtet ma' Jum IDAHOT+, il-Ministru Borg enfasizza li l-Ewropa għandha tfittex li telimina d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha u tħaddan is-sbuħija tad-diversità tal-umanità.
Filwaqt li rrikonoxxa l-istorja ta' 75 sena ta' ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa biex javvanza l-valuri ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-Ministru Borg fakkar li bi gwerra fuq art Ewropea, ir-reġjun jeħtieġ joqgħod attent li din il-ħidma ma tintelaqx lura.
“Għandna bżonn nibqgħu nappoġġjaw u nuru s-solidarjetà tagħna ma' sħabna Ukreni sakemm ikun hemm bżonn, sabiex bi qlubija jkomplu jiġġieldu għall-paċi u l-libertà," żied jgħid.
Meta tkellem dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali, il-Ministru ddikjara li kollaborazzjoni u kooperazzjoni msaħħa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u reġjuni ġirien jippermettu sinerġiji, koordinazzjoni u koerenza akbar fl-indirizzar tal-isfidi komuni.
Fil-marġini tal-Kumitat tal-Ministri, il-Ministru Borg ipparteċipa wkoll fi djalogu taż-żgħażagħ, fejn iddiskuta ma' żgħażagħ minn madwar l-Ewropa. Il-Ministru tenna li ż-żgħażagħ huma ċentrali għall-aġenda tal-politika tal-pajjiż, bl-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ magħżula bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, is-sena d-dieħla.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru attenda impenji oħra fir-rwol tiegħu ta' Chair-in-Office tal-OSCE, inkluż laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Liechtenstein Dominique Hasslet, li qed ittemm it-terminu tagħha bħala President tal-Kunsill tal-Ewropa, u s-Segretarju Ġenerali tal-istess organizzazzjoni Marija Pejčinović Burić. Huma qablu li jkomplu jsaħħu s-sinerġiji eżistenti bejn dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet multilaterali, sabiex jimmassimizzaw ir-riżorsi u jiżguraw rispons aktar komprensiv għall-isfidi li qed jiffaċċjaw.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926