Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Sessjoni tar-Rebbiegħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-EUROSAI dwar l-Awditjar Ambjentali (EWGEA)

pr240821
Date Icon 15/05/2024

Fil-15 u s-16 ta' Mejju 2024, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta' Malta (NAO) se jospita s-Sessjoni tar-Rebbiegħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (European Organisation of Supreme Audit Institutions - EUROSAI) dwar l-Awditjar Ambjentali (EUROSAIWorking Group on Environmental Auditing - EWGEA). Tmienja u sebgħin delegat minn 30 Istituzzjoni tal-Awditjar tal-Istat (Supreme Audit Institution - SAI) qed jipparteċipaw f'din il-laqgħa. It-tema li ġiet magħżula għal din is-Sessjoni hija s-Sigurtà tal-Enerġija. Mill-perspettiva ta' SAI, dan is-suġġett huwa wieħed importanti ħafna kemm minħabba l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali kif ukoll l-ammont sostanzjali ta' fondi li jiġu allokati mill-gvernijiet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija b'mod affidabbli u affordabbli. Barra minn hekk, is-sigurtà tal-enerġija tirrikjedi wkoll li l-pajjiżi kemm jista' jkun jikkontrollaw ir-riskji  relatati tal-qtugħ fil-provvista, mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet, kif ukoll aspetti ġeopolitiċi.

Fl-indirizz tal-ftuħ tal-laqgħa, l-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara rrimarka li l-NAO jagħraf l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija għas-soċjetà kollha. Żied jgħid li, filwaqt li l-isfidi ta' Malta biex tiżgura l-bżonnijiet tal-enerġija tagħha jista' jkollhom karatteristiċi simili għal pajjiżi oħra, tali sfidi għandhom tendenza li jkunu aktar evidenti fl-istati gżejjer żgħar. Fl-indirizz tiegħu, l-Awditur Ġenerali nnota li l-ospitar ta' dan l-avveniment f'Malta jirrappreżenta tragward importanti għall-NAO, partikolarment peress li dan l-Uffiċċju kien fost l-ewwel parteċipanti ta' dan il-Grupp ta' Ħidma (EWGEA) li ġie stabbilit fl-1999. Il-viżjoni ta' dan il-Grupp hija li tittejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u tal-ambjent f'kull pajjiż rappreżentat fil-EWGEA, u li tagħmel l-Ewropa xempju ewlieni fir-rigward tal-kontribut tas-settur pubbliku f'dawn l-oqsma. Permezz tal-attivitajiet tiegħu, l-EWGEA għandu l-għan li jippromwovi spirtu ta' kooperazzjoni bbażat fuq l-integrità, il-komunikazzjoni miftuħa, u l-eċċellenza professjonali.

Dr Andy Kerr, Uffiċjal Kap tal-Istrateġija, Climate-KIC Holding B.V u Prof. Ing. Cyril Spiteri Staines mill-Università ta' Malta, għamlu l-preżentazzjonijiet ewlenin tal-laqgħa. Għada Ms Elina Bardram, mill- Kummissjoni Ewropea ser tkun qed tagħmel preżentazzjoni prinċipali. Din il-laqgħa se tinkludi wkoll preżentazzjonijiet minn diversi SAIs dwar suġġetti relatati mat-tema tas-sigurtà tal-enerġija. Dawn id-diskussjonijiet se jiffokaw fuq il-metodoloġiji adottati, l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, kif ukoll is-sejbiet tal-awditjar, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet proposti mis-SAIs rispettivi meta jivverifikaw dan is-settur.

Din is-sena l-EWGEA se jkun qed ifakkar il-25 sena Anniversarju ta' dan il-Grupp ta' Ħidma, liema laqgħa sejra wkoll tiċċelebra dan l-avveniment. Kapijiet tas-SAIs tal-Polonja, tan-Norveġja u kif ukoll tal-Estonja se jkunu qed jagħmlu diskorsi kommemorattivi fir-rwoli tagħhom bħala Presidenti preżenti jew passati tal-EWGEA.

Aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment u l-EWGEA tista' tiġi aċċessata minn: https://www.eurosaiwgea.org/

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Sessjoni tar-Rebbiegħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-EUROSAI dwar l-Awditjar Ambjentali (EWGEA)
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow