Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU ST Malta bl-ewwel riżultati minn proġett ta’ Riċerka u Innovazzjoni f’Malta

pr240818
Date Icon 14/05/2024

• Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-Gvern irid li Malta tkun ċentru għall-innovazzjoni Ewropea fil-qasam tas-semiconductors

Waqt żjara fil-fabbrika ta' ST Microelectronics, li fiha għaddejjin proġetti pilota għal apparat diġitali u robotiku ġdid favur teknoloġija awtomatizzata fl-industrija 4.0, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna għandu l-ingredjenti kollha biex isir ċentru tal-innovazzjoni u t-teknoloġija Ewropea fis-settur tas-semiconductors.

Il-proġett huwa parti minn kullana ta' proġetti Ewropej taħt il-programm Important Projects of Common European Interest (IPCEI) li qed iwassal għal proġetti ta' riċerka u żvilupp fuq l-iktar teknoloġija avvanzati fid-dinja. Fl-impjant ta' ST f'Ħal Kirkop qed jiġu fil-fatt żviluppati prodotti teknoloġiċi innovattivi bil-għan li jitjieb l-operat tal-kumpanija fil-manifattura tal-microchips. Il-Prim Ministru mhux biss innota l-impenn tal-Gvern li jappoġġja l-innovazzjoni ta' fabbrika bħal ST iżda nnota kif il-futur ta' din il-kumpanija f'Malta, li tħaddem mal-1,800 ruħ, hu sabiħ.

Fi żjara li għamel qabel fl-impjant, fejn ra l-operat għaddej li jwassal biex il-kumpanija tipproċessa mat-2.7 miljun ċippa kuljum, il-Prim Ministru Abela qal li r-realtà hi li ħafna mill-affarijiet li nużaw, minn smartphones għal vetturi, għandhom fihom ċipep li jsiru f'Malta. Qal li dawn iċ-ċipep għandhom irwol importanti fid-dinja teknoloġika tal-lum u allura l-irwol ta' Malta f'qafas teknoloġiku hu sinjifikanti.

“Dan huwa l-mod kif qed nimmodernizzaw l-ekonomija ta' pajjiżna u noħolqu impjiegi ta' kwalità fejn l-istudenti Maltin u Għawdxin jistgħu jsibu impjiegi fl-iktar setturi ta' teknoloġija avvanzata fid-dinja. Din hija l-ambizzjoni li qed juri l-Gvern fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż", sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-impenn ta' ST f'Malta u xhieda ta' dan huwa l-investiment li għaddej fl-impjant ta' Ħal Kirkop bl-appoġġ tal-Malta Enterprise u INDIS. Fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri raw xogħol li għaddej dwar teknoloġija state-of-the-art li tindirizza l-ittestjar u l-ippakkeġġjar ta' ċipep diġitali għall-vetturi u industriji fost oħrajn. Dan flimkien ma' teknoloġija avvanzata marbuta mal-manifattura awtomatizzata mħaddma bl-intelliġenza artifiċjali.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta mhiex qed tkun passiva ssegwi dak li qed jiġri fl-industrija marbuta mas-semiconductors. Anzi minflok qed twassal vuċi fuq livelli Ewropej biex tkompli tissaħħaħ il-kompettitività industrijali u fl-innovazzjoni. Innota kif mhux ta' b'xejn li pajjiżna issieħeb fl-IPCEI fil-qasam tal-Microelectronics u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni.

Dr Abela qal li dak li ra fil-proġetti pilota huma l-ewwel riżultati tanġibbli mill-programm tal-IPCEI, programm li l-Università ta' Malta hi sieħeb indirett fih permezz tal-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi f'Malta u l-ST f'pajjiżna. Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-industrija u r-riċerka. F'dan il-kuntest fakkar fi ftehim riċenti li l-Gvern laħaq ma' IMEC, ċentru rinomat mad-dinja kollha fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tan-nanoelectronics u teknoloġiji diġitali.

Il-Prim Ministru fisser kif dak li beda f'ST se jsaħħaħ l-ekosistema f'pajjiżna għall-innovazzjoni u t-teknoloġija tas-semiconductor li jkomplu jimmodernizzaw l-ekonomija tagħna, li tibqa' toffri l-aqwa opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment iż-żgħażagħ.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU ST Malta bl-ewwel riżultati minn proġett ta’ Riċerka u Innovazzjoni f’Malta
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU ST Malta bl-ewwel riżultati minn proġett ta’ Riċerka u Innovazzjoni f’Malta
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU ST Malta bl-ewwel riżultati minn proġett ta’ Riċerka u Innovazzjoni f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow