STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Investiment ieħor għall-ġid tal-komunità f’San Ġwann
L-aġenzija LESA reġgħet iffinanzjat proġett ieħor ta’ kunsill lokali sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja fil-komunità. Din id-darba kien il-kunsill lokali ta’ San Ġwann li bbenefika minn fondi tal-LESA sabiex jestendi ġnien Patri Spiteri Donat.
Il-fondi li l-kunsill lokali ta’ San Ġwann ingħata huma parti mill-iskema ta’ proġetti fil-komunità li l-LESA tiffinanzja mill-flus tat-taħrikiet. Wara li taqta’ l-ispejjeż amministrattivi, il-LESA tgħaddi il-flus f’fond biex jiffinanzja proġetti mressqa mill-kunsilli lokali. Fl-aħħar tlett snin il-LESA ffinanzjat sittin proġett imressqa mill-kunsilli lokali b’nefqa ta’ madwar tliet miljun ewro.
Għal din is-sena l-LESA se tinvesti kważi żewġ miljun ewro fuq tnejn u tletin proġett ieħor f’Malta u f’Għawdex.
F’diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-ġnien, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li l-proġetti fil-komunità ivarjaw minn proġetti ambjentali u spazji miftuħa, għat-titjib tas-sigurtà fil-komunità u anke għal trasport nadif għar-residenti.
“Is-suċċess tal-iskema seħħ għaliex fuq naħa hemm il-LESA li tagħti sehemha biex apparti li tħares l-ordni, qed tieħu sehem fi proġetti li qed itejbu l-kwalità u s-saħħa tal-nies fil-komunità. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-kunsilli lokali li għaliex jafu x’għandha bżonn il-lokalità tagħhom, qed iressqu proġetti mirquma li jitgawdew minn kulħadd,” qal il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret il-kunsill lokali ta’ San Ġwann għax-xogħol li sar f’dan il-ġnien. Hija elenkat l-impenn tal-kunsilli lokali li qed ikunu l-estensjoni tal-ħidma tal-gvern fil-qalba tal-komunitajiet b’mod partikolari dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji ħodor.
“Il-kunsilli lokali qed iservu sabiex isebbħu l-lokalitajiet tagħhom u joffru wkoll spazji miftuħa lill-komunitajiet rispettivi tagħhom. Il-wegħda elettorali ta’ dan il-gvern ta’ aktar spazji ħodor u miftuħa qed titwettaq anke permezz ta’ proġetti bħal dawn,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann Trevor Fenech u l-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926