Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Skema ta’ għajnuna finanzjarja għal santwarji u għaqdiet tal-annimali

PR240765
Date Icon 06/05/2024

Skema ġdida bl-isem ta' Animal Welfare Fund, b'investiment ta' €85,000 mill-Gvern, se tipprovdi għajnuna finanzjarja lil santwarji u għaqdiet volontarji jew non-governattivi li jieħdu ħsieb l-annimali. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Permezz tat-tnedija tal-Animal Welfare Fund, qed titwettaq wegħda elettorali, fejn se jingħata appoġġ lil dawk l-għaqdiet u s-santwarji li jipprovdu servizzi lill-annimali, bil-għan li tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-annimali domestiċi fil-komunità u jiġu mħarsa aktar id-drittijiet tal-annimali f'pajjiżna.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq kif permezz ta' din l-iskema l-Gvern qed ikompli jżomm kelmtu u jwettaq wegħda elettorali oħra. “Dak li qed naraw illum ikompli jibni fuq il-ħidma li diġà għamilna f'dan il-qasam, b'dawk riċenti jkunu l-ftuħ mill-ġdid tal-Isptar tal-Annimali fejn anke ħabbarna li mis-sena akkademika li jmiss se nkunu qed nibdew il-kors tal-veterinarji f'pajjiżna. Dan jimxi id f'id mal-ħidma li diġà wettaqna fil-qasam tad-drittijiet tal-annimali permezz ta' għadd ta' miżuri li twettqu fl-aħħar ġimgħat, xhur u snin sabiex inkomplu nservu ta' spalla għas-settur."

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li skemi bħal dawn huma importanti ferm għaliex joffru appoġġ lis-santwarji u l-għaqdiet tal-annimali. “Il-Gvern qiegħed jagħraf din il-ħidma favur il-ħarsien xieraq u d-drittijiet tal-annimali li qegħdin iwettqu l-għaqdiet volontarji u s-santwarji. Mingħajr il-ħidma tagħhom, żgur li ma nistgħux nilħqu n-numru ta' annimali li qegħdin nilħqu bħalissa. Din l-iskema se tgħin lil dawn l-għaqdiet u santwarji jkomplu joffru s-servizz li qegħdin jagħtu, filwaqt li jtaffilhom ftit mill-ispejjeż tagħhom."

Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella spjega x'inhuma l-kriterji li bihom wieħed jista' japplika għal dawn il-fondi u kif se jkunu mqassma l-fondi skont it-tliet prijoritajiet, li huma: l-edukazzjoni u t-tagħrif, spiża medika, u l-allokazzjoni tal-annimali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Skema ta’ għajnuna finanzjarja għal santwarji u għaqdiet tal-annimali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Skema ta’ għajnuna finanzjarja għal santwarji u għaqdiet tal-annimali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow