STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta tiċċelebra 20 Sena ta’ Sħubija fl-Unjoni Ewropea
Il-Ministru Ian Borg jirrifletti fuq għoxrin sena ta' progress u kisbiet notevoli fi ħdan il-komunità Ewropea
“Qegħdin niċċelebraw dan il-vjaġġ ta' 20 sena mhux biss bħala mogħdija taż-żmien iżda bħala xempju tal-kisbiet kollettivi tagħna u tal-aspirazzjonijiet konġunti u l-impenn tagħna lejn il-valuri Ewropej li tant inħaddnu." Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt konferenza fl-Aula Magna, fil-Kampus tal-Belt Valletta fejn irrifletta fuq għoxrin sena ta' progress u kisbiet notevoli fi ħdan il-komunità Ewropea u tkellem dwar it-triq 'il quddiem fejn Malta tibqa' impenjata lejn il-valuri Ewropej ta' solidarjetà, għaqda u kooperazzjoni.
“Minn mindu ngħaqdet mal-UE fl-1 ta' Mejju 2004, Malta għaddiet minn vjaġġ trasformattiv, b'transizzjoni lejn pajjiż Ewropew modern filwaqt li ppreservat l-istorja u l-kultura rikka tagħha," qal il-Ministru Borg fejn kompla jgħid li d-deċiżjoni li tissieħeb fl-UE kienet tissimbolizza l-aspirazzjonijiet ta' Malta għal kooperazzjoni usa', stabbiltà, u prosperità lil hinn mill-fruntieri tagħha.
Il-Ministru Borg spjega kif is-sħubija ta' Malta fl-UE mhux biss mexxa l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż iżda saħħet ukoll in-nisġa soċjali tiegħu u saħħet il-pożizzjoni globali tiegħu. “Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku u prosperità, b'aċċess għas-Suq Uniku u l-użu strateġiku tal-Fondi tal-UE għall-infrastruttura u l-iżvilupp soċjali," qal Dr Borg.
Saru referenzi wkoll għal inizjattivi oħra bħall-Programm Erasmus+, fejn il-Ministru Borg saħaq kif dan iffaċilita l-iskambju kulturali u t-tagħlim, saħħaħ is-sens nazzjonali ta' Malta u rawwem il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, u offra liċ-ċittadini Maltin mobilità u opportunitajiet edukattivi.
Il-Ministru Borg innota wkoll li Malta dejjem uriet il-valur tagħha b'mod konsistenti, u semma l-involviment f'deċiżjonijiet ewlenin u s-suċċessi li nkisbu matul is-snin, mhux b'inqas meta Malta mexxiet il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE lura fl-2017. Suġġetti oħra diskussi waqt il-konferenza inkludew sfidi bħall-migrazzjoni, dibattiti dwar is-sovranità, u miri klimatiċi. Dr Borg saħaq li dawn l-isfidi jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej u enfasizza fuq l-importanza tal-għaqda u s-solidarjetà fost l-istati membri.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Borg esprima wkoll id-determinazzjoni ta' Malta li tkompli tipparteċipa b'mod attiv fit-tiswir tal-futur tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li enfasizza l-importanza tad-djalogu, il-paċi, u l-prosperità għaċ-ċittadini kollha, elementi ewlenin li Malta wkoll qed timbotta 'l quddiem fir-rwol doppju attwali tagħha fil-Presidenza tal-OSCE u s-sħubija fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928