Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Pagamenti ġodda biż-żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet tar-romol u tas-servizz

pr240741
Date Icon 02/05/2024

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar li ngħalqu żewġ proċessi ta' aġġustamenti għal din is-sena permezz tal-pagamenti biż-żidiet addizzjonali fil-pensjoni tar-romol li ser issir fi tmiem din il-ġimgħa u fil-pensjoni tas-servizz li ngħatat matul il-ġimgħa li għaddiet.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet. Hawnhekk, tfakkret il-bidla li dan il-gvern għamel fil-proċess li nbeda fl-2022 sabiex il-pensjonanti romol gradwalment se jibdew jirċievu l-pensjoni sħiħa li kieku jirċievu l-konjugi tagħhom kieku għadhom ħajjin.

B'kollox, se jkunu bbenefikaw 7,000 romol li raw żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom minbarra l-€15 fil-ġimgħa żieda li ħadu bħall-pensjonanti kollha.

Il-proċess ta' aġġustament gradwali għall-pensjonanti tar-romol u tas-servizz wasal f'nofsu u sa tliet snin oħra ikun konkluż kollu. Intant, dawk ir-romol li għad m'għandhomx 61 sena qed igawdu minn eżenzjoni fil-ħlas tat-taxxa li bdiet tgħodd ukoll minn din is-sena bħala miżura oħra tal-Budget 2024.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar il-pagamenti marbuta mal-pensjoni tas-servizz, fejn b'kollox qed jibbenefikaw 6,500 pensjonant tas-servizz li raw żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom minbarra l-€15 fil-ġimgħa żieda li ħadu bħall-pensjonanti kollha.

Il-pensjonanti tas-servizz se jaraw l-ammont tal-pensjoni tas-servizz tagħhom li ma jiġix ikkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali jiżdied b'€200 oħra.

Dan filwaqt li l-pensjonanti tas-servizz li jkunu ġew boarded-out u ħarġu bil-pensjoni tas-servizz kmieni minħabba mard, se jibdew jaraw l-aġġustament imsemmi tal-parti tal-pensjoni kkomputata jsir wara tnax-il sena minn meta jkunu bdew jieħdu l-pensjoni tas-servizz u mhux meta jagħlqu 72 sena.

“Dan hu gvern li dak li jwiegħed, jwettqu. Kull miżura soċjali li wegħedna tul dawn l-aħħar ħdax-il sena wettaqnieha, u iktar minn hekk introduċejna oħrajn ġodda, għaliex komplejna naġġornaw ruħna mar-realtajiet soċjali tal-mument. Dan jixhduh il-familji u l-pensjonanti għaliex jafu min kien hemm għalihom fl-aktar żminijiet ta' sfida," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.  

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Pagamenti ġodda biż-żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet tar-romol u tas-servizz
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow