Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ​Imnedija 6 skemi ta' boroż ta' studju b'investiment ta' €6.75 miljun

pr240731
Date Icon 30/04/2024

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda 6 skemi ta' boroż ta' studju b'valur totali ta' €6.75 miljun. Dawn jinkludu li ġej: Skema ta' Borża ta' Studju dwar Studji Veterinarji; Skema ta' Borża ta' Studju Endeavour II; Skema ta' Borża ta' Studju TESS; Skema ta' Borża ta' Studju tal-Arti; Skema ta' Borża ta' Studju dwar l-Isport; u Reach High II.

Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li dawn il-Boroż ta' Studju huma investiment dirett fl-istudenti, li permezz tagħhom qed jingħataw sostenn finanzjarju, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-futur tagħhom. “Għal dawn l-iskemi ta' boroż ta' studju qed ninvestu €6.75 miljun, €4.5 miljun fondi Ewropej u €2.25 minn fondi Nazzjonali. Aħna nemmnu li l-investiment qawwi fis-settur edukattiv u fl-istudenti jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna," stqarr il-ministru.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella enfasizza li dawn l-iskemi huma xhieda tal-investiment li qiegħed isir fis-settur edukattiv, li s'issa diġà bbenefikaw minnhom 'il fuq minn 1,200 individwu f'oqsma differenti. “Il-ministeru se jkompli jaħdem bla waqfien permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li daqt se tiġi mnedija, biex ikompli jittrasforma l-edukazzjoni ta' pajjiżna għal waħda ta' kwalità u fejn il-persuna tinżamm dejjem fiċ-ċentru. Fost il-153 inizjattiva tal-istrateġija hemm uħud li huma mmirati lejn skemi għall-aktar studji speċjalizzati, fosthom dawk  tal-isport u l-arti," qal is-Sur Vella.

L-iskemi ta' Boroż ta' Studju huma:

I) Skema ta' Boroż ta' Studju għall-Istudji Veterinarji

L-iskema tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Livell 7 tal-QMK) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija li jwassal biex jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b'ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-QMK. Min jirbaħ din il-borża ta' studju jingħata sa' massimu ta' €14,000 fis-sena għall-perjodu ta' 5 snin akkademiċi.

II) Skema ta' Boroż ta' Studju Endeavour II

Din hija t-tielet sejħa tal-Endeavour II Scholarships Scheme li għaliha qed jiġu allokati €2.5 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+). Skema li tappoġġja edukazzjoni terzjarja (fil-Livell 7 u 8 tal-QMK), ta' kwalità u tassigura li s-suq tax-xogħol Malti jkollu fih l-aħjar individwi u tiggarantixxi li jkun f'pożizzjoni aħjar li jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-kisba tal-edukazzjoni kif ukoll biex jikkontribwixxu b'mod effettiv lejn l-ekonomija. L-edukazzjoni post-universitarja tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta' kull pajjiż u twassal għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta' ħafna nies.

III) Skema ta' Borża ta' Studju TESS

TESS (Tertiary Education Scholarships Scheme) hija skema miftuħa għal studenti post-universitarji, fil-livelli 7 u 8, u tfittex li tagħti kontribut lejn is-suq tax-xogħol Malti. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għall-istudenti biex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta' studju t'edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti jżidu l-livelli ta' riċerka akkademika.

IV) Skema ta' Boroż ta' Studju tal-Arti

Il-Malta Arts Scholarships' Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet u appoġġ lill-individwi li għandhom talenti eċċezzjonali fil-ħolqien u/jew il-promozzjoni ta' professjonisti fl-Arti Espressiva, it-Teatru, il-Mużika, iż-Żfin, id-Disinn, il-Kitba Kreattiva, il-Film, l-Arti Viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom. Din l-iskema hija disponibbli wkoll għal applikanti minn 11-il sena 'l fuq, Livell 5 QMK sal-Livell 8 QMK.

V) Skema ta' Boroż ta' Studju dwar l-Isport

Din l-iskema għandha l-għan li tpoġġi l-isports fuq livell professjonali u se tippromwovi l-iżvilupp ta' atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment jirrappreżentaw lil Malta f'kompetizzjonijiet internazzjonali. Hija intenzjonata għal applikanti f'żewġ kategoriji: dik tal-Ispeċjalizzazzjoni fl-Isport u dik Akkademika. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f'Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa', imma tinkoraġġixxi wkoll il-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f'titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha.

VI) Reach High II

Din hija t-tieni sejħa li għaliha qed jiġu allokati €2 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+). Hija Borża ta' Studju mmirata għal għotjiet post-dottorat. L-edukazzjoni ta' riċerka post-dottorat titqies bħala waħda  ta' importanza għaliex tipprovdi l-mezzi li permezz tagħhom l-attività ta' riċerka tista' tiġi stimulata fi ħdan l-Universitajiet u l-Industriji. Din l-iskema tibni fuq l-iskema preċedenti Reach High. L-għotja tkopri fost oħrajn, l-istipendju, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż diretti tar-riċerka.

Aktar dettalji, kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-iskemi kollha, jinsabu fuq https://education.gov.mt/myscholarships/.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ​Imnedija 6 skemi ta' boroż ta' studju b'investiment ta' €6.75 miljun
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow