STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U MIS- SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Inawgurat vann tal-elettriku li se joffri servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani residenti f’Ħal Luqa u Ħal Farruġ
Il-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa ngħata fondi bħala parti mill-kompetizzjoni annwali tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta' Ħal Luqa, John Schembri, u l-kunsilliera, inawguraw vann tal-elettriku li se jipprovdi trasport sostenibbli għall-anzjani residenti f'Ħal Luqa u Ħal Farruġ.
Il-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa ngħata għotja ta' €50,000 minn Transport Malta biex iwettaq din l-inizjattiva, bħala parti mill-kompetizzjoni annwali tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità. L-għan tal-kompetizzjoni kien li tiffinanzja miżuri permanenti ta' mobbiltà sostenibbli.
Il-Ministru Chris Bonett faħħar id-dedikazzjoni u l-viżjoni tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa fl-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva li taħseb 'il quddiem u għall-ġid taċ-ċittadini.
“Hekk kif inkomplu nagħtu prijorità lil soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli, il-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien ta' komunitajiet reżiljenti u vibranti. B'inizjattivi bħal dawn qegħdin naraw li dejjem innaqqsu d-dipendenza fuq vetturi privati tal-individwi filwaqt li nkomplu nipprovdu modijiet ta' indipendenza fejn tidħol mobilità soċjali lil kull membru tal-komunità," qal il-Ministru Bonett.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa li għaraf il-benefiċċju ta' din il-kompetizzjoni għal-lokalità u r-residenti tiegħu. Hija rrimarkat li permezz ta' dan il-vann tal-elettriku, il-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa ser iżid l-aċċessibbiltà u l-mobilità fil-lokalità u l-periferija ta' Ħal Luqa.
“Servizzi bħal dawn huma eżempju ċar tal-importanza tal-kunsilli lokali li jimplimentaw proġetti u inizjattivi fil-qalba tal-lokalitajiet li jsarrfu fi kwalità ta' ħajja aħjar għar-residenti," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta' Ħal Luqa John Schembri qal li dan is-servizz se jkun ta' użu kbir għall-komunità u se jkun eżempju għal passi iktar sostenibbli f'komunitajiet oħra.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928