STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-INDAFA PUBBLIKA: Meta nieħdu ħsieb il-lokalitajiet inkunu qed nieħdu ħsieb lin-nies infushom
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield wassal il-messaġġ tal-Gvern dwar il-ħtieġa li nsaħħu r-riżorsi għat-tindif fil-lokalitajiet, waqt roundtable discussion ma’ NGOs, voluntiera u stakeholders ewlenin li jaħdmu fil-qasam ambjentali. Huwa saħaq li l-indafa pubblika għandha tkun prijorità għal kulħadd. Is-Segretarju Parlamentari qal illi l-għan ewlieni tiegħu kien li jisma’ direttament mingħand in-nies involuti u sabiex issir diskussjoni dwar kif il-Gvern, l-għaqdiet u n-nies jistgħu jaħdmu aħjar flimkien.
“Għandna bżonn mentalità ġdida, bi sforz kollettiv biex pajjiżna nieħdu ħsiebu. Nixtieq nara aktar kampanji biex inqajmu kuxjenza,” kompla jgħid Bedingfield. Huwa saħaq ukoll kontra d-drawwa li l-iskart domestiku jinħareġ kif ġib u laħaq b’tali mod illi nagħtu xeħta diżutli lil pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja wkoll lill-voluntiera membri ta’ dawn l-għaqdiet li jorganizzaw cleanups. “Is-sehem volontarju fi cleanups huwa att soċjali fih innifsu,” spjega s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield. Qal ukoll illi l-att soċjali tal-voluntiera li jieħdu sehem fil-cleanups huwa akbar mill-att innifsu għax l-għemil tal-voluntiera jwassal messaġġ b’saħħtu. Huwa spjega illi hemm diversi modi ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb pajjiżna u enfasizza illi irid jara li juża kull metodu possibbli għaliex fl-aħħar minn l-aħħar, dan huwa dover. Huwa qal li l-verità hi li meta nieħdu ħsieb il-lokalitajiet inkunu qed nieħdu ħsieb in-nies infushom.
Ramon Deguara, Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, fetaħ din id-diskussjoni billi elenka xi numri u statistiċi rigward ix-xogħol ta’ din id-diviżjoni. Huwa spjega kif permezz tal-helpline 1718 u l-applikazzjoni tal-Clean Malta, din id-diviżjoni diġà rċeviet mat-3,994 rapport fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2024. Minn dawn, ingħalqu total ta’ 3,717 rapport filwaqt li dawk pendenti qed jiġu trattati skont in-natura speċifika tal-każ innifsu. Huwa ta wkoll rendikont tal-lokalitajiet li minnhom jirċievu l-akbar influss ta’ lmenti u kif ukoll għamel referenza għall-pjaga li jġib miegħu r-rimi illegali.
Bosta rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet mhux governattivi, attivisti u stakeholders li attendew din il-laqgħa semmew il-ħidma kontinwa u l-kollaborazzjoni b’saħħitha li huma dejjem sabu mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, b’diversi minnhom jisħqu li din tal-aħħar hija waħda minn dawk l-entitajiet li dejjem sabuha disponibbli anki fil-ħin reali. Huma taw ukoll rakkomandazzjonijiet ta’ kif il-Gvern ċentrali jista’ jaħdem id f’id b’mod aktar frekwenti magħhom u offrew suġġerimenti ta’ dik li, mill-esperjenza u fl-opinjoni tagħhom, għandha tkun it-triq ’il quddiem.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928