STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Ġonna fl-Urban: Imnedija skema għall-Kunsilli Lokali sabiex iħawlu siġar taż-żebbuġ u l-larinġ fil-lokalitajiet tagħhom
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nedew l-iskema finanzjarja ‘Ġonna fl-Urban’, immirata għall-Kunsilli Lokali sabiex jingħataw finanzjament għax-xiri ta’ siġar taż-żebbuġ u l-larinġ ħalli jitħawlu f’żoni pubbliċi.
Il-Ministru Anton Refalo tenna li qed iniedu din l-iskema sabiex il-lokalitajiet ikomplu jissebbħu permezz ta’ aktar tħawwil tas-siġar. “Qed inkomplu naħdmu sabiex l-irħula u l-ibliet tagħna jkomplu jissebbħu permezz ta’ siġar bħal dawn. Din l-inizjattiva anke timxi id f’id mal-ħidma tal-gvern sabiex pajjiżna jkollu aktar żoni ħodor sabiex jitgawdew mill-pubbliku,” tenna l-Ministru Refalo.
Il-Kunsilli Lokali huma mħeġġa japplikaw għal din l-iskema billi jidentifikaw żona għat-tħawwil tas-siġar u se jkunu eliġibbli għal finanzjament għal minimu ta’ ħamsin siġra.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjon din l-iskema li għandha l-għan li tħaddar il-lokalitajiet u li twassal għal aktar dekarbonizzazzjoni u spazji fejn il-pubbliku jista’ jirrekrea ruħu. Hija nnutat ukoll kif iċ-ċitru u s-siġar taż-żebbuġ huma siġar li jservu snin twal u għalhekk dak li se jsir permezz ta’ din l-iskema se jgawduh il-ġenerazzjonijiet futuri.
“Inħeġġeġ lill-kunsilli lokali sabiex jagħmlu użu minn dawn il-fondi u jkunu jistgħu jħawlu minn tal-anqas 50 siġra fil-lokalitajiet rispettivi, b’hekk inkunu qed nagħtu aktar spazji ħodor lill-familji tagħna u kif ukoll insebbħu l-lokalitajiet tagħna. Din il-miżura timxi pari passu mal-wegħda elettorali tal-gvern, dik ta’ spazji u ambjent aħjar lill-familji tagħna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Il-Kunsilli Lokali jistgħu japplikaw għal din l-iskema sal-31 ta’ Mejju li ġej.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928