Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

pr240638
Date Icon 21/04/2024

Iffirmat ftehim li permezz tiegħu l-Fakultà tal-Liġi se tingħata sapport finanzjarju biex kull sena jiġi ppubblikat ġurnal akkademiku internazzjonali

Bl-iffirmar tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Fakultà tal-Liġi fi ħdan l-Università ta' Malta se tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. 

Permezz ta' dan il-ftehim se jingħata sapport lill-Fakultà tal-Liġi biex isir possibbli li ta' kull sena jiġi ppubblikat ġurnal akkademiku ta' livell internazzjonali li jkompli jagħti kontribut għall-għarfien akkademiku fil-qasam legali.

“Huwa ta' sodisfazzjon li permezz ta' dan il-ftehim qed inkunu ta' sapport għall-Fakultà tal-Liġi biex ikollha l-ewwel journal uffiċjali tagħha filwaqt li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni li diġà għaddejja mal-istess fakultà fl-aħjar interess ta' dawk kollha involuti", sostna l-Ministru Jonathan Attard.

Minbarra li ġurnal bħal dan ikompli jgħolli l-profil tal-Fakultà u l-Università ta' Malta u tal-pajjiż, se joffri wkoll forum ieħor għall-akkademiċi kif ukoll għall-istudenti, speċjalment dawk li jkunu qed jistudjaw f'livell ta' Masters jew Dottorat, biex jippubblikaw ir-riċerka tagħhom.

Permezz ta' dan il-ftehim ukoll, il-Ministeru għall-Ġustizzja se jgawdi minn expertise tal-Fakultà tal-Liġi li permezz tiegħu akkademiċi se jkunu qed jagħtu kontribut fuq proġetti varji skont il-bżonn, fosthom għall-pjattaforma TEMI. Din il-pjattaforma diġitali, li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqha, se tagħti aċċess għal tagħlim u informazzjoni għal suġġetti varji fil-qasam tal-ġustizzja.

“Dan hu d-djalogu li hemm bżonn jinbena bejn id-dinja akkademika u d-dinja li fiha l-avukatura trid tipprattika biex inkunu nistgħu nesploraw ukoll il-possibbiltajiet ta' proġetti oħra", temm jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-Università ta' Malta għandha rwol importanti ħafna f'dik li hija riċerka u l-ħolqien tal-għerf. Huwa tenna li ftehim bħal dan se jagħti aktar għodda lill-Fakultà tal-Liġi biex l-istudenti jkollhom sors ieħor biex jgħinhom f'dak li huwa l-perkors akkademiku tagħhom.

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, Dr Ivan Mifsud, sostna li bħala fakultà dejjem fehmu li huma parti minn istituzzjoni kbira u soċjetà ħajja u attiva, liema fehma għenithom iżommu enfasi kemm fuq il-prattika kif ukoll fuq ir-riċerka. “Din l-inizjattiva hija frott ta' dan l-impenn u kommessi li nkomplu mexjin f'din id-direzzjoni", tenna Dr Mifsud.

Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, saħaq li huwa ferm importanti li fil-perkors akkademiku jkun hemm taħlita ta' interessi influwenzati minn dak li qed jiġri madwarna. Żied jgħid li dan il-ġurnal huwa pass importanti li juri ż-żieda ta' prattikanti fil-qasam tal-liġi kif ukoll il-ħtieġa ta' iktar kooperazzjoni ġdida.

Preżenti għall-iffirmar ta' dan il-Memorandum ta' Ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Johan Galea, id-Direttur fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Joanne Battistino, kif ukoll id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Prof. Ivan Sammut.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow