Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru u Chair-In-Office tal-OSCE Ian Borg iwiegħed li Malta se tibqa’ taħdem biex issaħħaħ il-multilateraliżmu

pr240633
Date Icon 20/04/2024

Laqgħa storika li tlaqqa' flimkien il-Presidenza ta' Malta tal-Kunsill tas-Sigurtà maċ-Chairpersonship tal-OSCE

Permezz tal-Presidenza tal-OSCE, Malta qed tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha li tistinka għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, quddiem sfidi globali li qed jesperjenzaw ħafna komunitajiet f'diversi reġjuni.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, li bħalissa għandu wkoll l-irwol ta' Chair-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) għall-2024, spjega l-ħidma taċ-Chairpersonship Maltija ta' din l-organizzazzjoni, waqt seduta tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, fi New York, il-Ġimgħa.

Din is-seduta kienet waħda storika għall-pajjiż, għaliex matul ix-xahar t'April, Malta għandha wkoll il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà. Għalhekk, filwaqt li fil-jiem ta' qabel il-Ministru Borg kien qed jippresjedi l-istess Kunsill, fil-laqgħa tal-Ġimgħa kien qed jieħu sehem bħala ċ-Chair-in-Office tal-OSCE, hekk kif fil-post ta' President tal-Kunsill, f'isem Malta minflok il-Ministru, kien hemm l-Ambaxxatriċi u r-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda Vanessa Frazier.   

Iċ-Chair-in-Office Ian Borg enfasizza l-impenn ta' pajjiżna biex itejjeb il-paċi u s-sigurtà internazzjonali fid-dawl tal-isfidi globali li qed jesperjenzaw il-popli. Matul id-diskors, huwa iddeskriva l-prijoritajiet u r-responsabbiltajiet strateġiċi ta' Malta matul din il-Presidenza tal-OSCE għall-2024.

Taħt it-tema “Insaħħu r-reżiljenza. Inżidu s-sigurtà" Malta għandha l-għan li tara rwol aktar attiv tal-OSCE f'dan iż-żmien partikolari li għaddejja minnu l-Ewropa u diversi reġjuni oħrajn madwarha. Il-Ministru Borg enfasizza l-pożizzjoni ġeografika unika ta' Malta biex tgħaqqad il-Lvant u l-Punent, u l-Ewropa u l-Afrika filwaqt li tiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni għal stabbiltà u paċi.

Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chair-In-Office tkellem dwar il-gwerra Russa fl-Ukrajna u kkundanna l-aggressjoni li qed twassal għal sofferenzi kbar f'dan il-pajjiż, filwaqt li afferma mill-ġdid l-appoġġ sod ta' Malta għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Għal darb'oħra esprima l-impenn determinat tiegħu favur il-ħelsien ta' tliet uffiċjali tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSCE li qed jinżammu detenuti illegalment.

“Il-Presidenza ta' Malta se tipprijoritizza aġenda robusta fit-tliet dimensjonijiet tal-OSCE. Se tiżgura impenn komprensiv dwar id-drittijiet tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà, l-isfidi ċibernetiċi, it-theddid transnazzjonali, u l-konformità tal-kontroll tal-armi. Apparti dan, għandna inizjattivi mmirati lejn it-tnaqqis tal-firdiet diġitali, it-tisħiħ tar-reżiljenza għall-klima u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel," spjega l-Ministru Ian Borg.

Iċ-Chair-In-Office Borg afferma mill-ġdid id-dedikazzjoni ta' Malta għall-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni multilaterali bħala l-aktar modi sostenibbli għall-kunflitti li għandna madwarna. Iddikjara wkoll l-impenn biex titrawwem aktar il-libertà tal-midja, tissaħħaħ is-sigurtà tal-ġurnalisti u tkun miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u t-traffikar tal-bnedmin.

Dan huwa mmirat mhux biss biex ikun indirizzat it-theddid immedjat għas-sigurtà, iżda wkoll sabiex ikun imrawwem futur reżiljenti, sigur u paċifiku għall-istati membri kollha tal-OSCE.

Sadanittant, fi New York il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa ma' Mirjana Spoljaric, President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), fejn esprima l-appoġġ ta' Malta għall-ħidma umanitarja ta' din l-organizzazzjoni biex tgħin ħafna persuni li qed ibatu minħabba gwerer, faqar u sfidi oħrajn madwar id-dinja.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru u Chair-In-Office tal-OSCE Ian Borg iwiegħed li Malta se tibqa’ taħdem biex issaħħaħ il-multilateraliżmu
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow