Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Implimentati l-ewwel miżuri tal-istrateġija kontra l-vjolenza domestika

pr240623
Date Icon 19/04/2024

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet li tliet xhur biss mit-tnedija tat-tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ġew implimentati miżuri li jsaħħu l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u jagħtu protezzjoni akbar lill-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet dan meta ġiet ippreżentata bir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, mill-Kummissarju Samantha Pace Gasan.

Ir-rapport jelenka l-ħidma li saret mill-Kummissjoni fosthom fuq it-tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Domestika bit-titlu, 'Ningħaqdu, Ninvolvu, Nelevaw' li tnediet f'Novembru li għadda u b'rabta mat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' inkjesta mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia. 

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-impenn kontra l-vjolenza domestika ma jista' jieqaf qatt. Hija qalet li fi żmien li ġej ser isiru emendi fil-liġi dwar il-vjolenza domestika biex titwettaq rakkomandazzjoni oħra tar-rapport Valenzia.

Hija qalet ukoll li qegħdin jinkisbu riżultati tajbin mill-Hub ta' Santa Luċija fejn isiru rapporti lill-pulizija dwar każi ta' vjolenza domestika.

Żiedet tgħid li kellha reazzjoni pożittiva mid-diplomatiċi barranin għall-fatt li din l-istrateġija qed taħseb ukoll biex tilħaq komunitajiet oħra f'pajjiżna. Semmiet ukoll li kien pass tajjeb li saru l-arranġamenti biex il-vittmi tal-vjolenza domestika li jkollhom bżonn ċertifikat mediku jingħataw prijorità mis-servizzi tas-saħħa meta jkunu akkumpanjati mill-pulizija.

Il-Kummissarju Pace Gasan qalet li l-Kummissjoni qiegħda taħdem id f'id ma' bosta entitajiet, kemm tal-gvern kif ukoll dawk mhux governattivi, għat-twettiq tal-miżuri tal-istrateġija fosthom fi ħdan il-Kumitat Interministerjali, waqt li għaddejja b'kampanji ta' għarfien u taħriġ ma' setturi varji li jiġu wiċċ imb'wiċċ ma' każi ta' vjolenza domestika.

Link għad-dokument - https://www.stopviolence.gov.mt/wp-content/uploads/2024/04/240406-Commission-on-Gender-Based-Violence-And-Domestic-Violence-2023_For-Screen.pdf

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Implimentati l-ewwel miżuri tal-istrateġija kontra l-vjolenza domestika
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Implimentati l-ewwel miżuri tal-istrateġija kontra l-vjolenza domestika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow