Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta tikseb konklużjonijiet importanti dwar is-Suq Waħdieni

pr240621
Date Icon 18/04/2024

• Il-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell għal Summit Informali tal-Kunsill Ewropew

Is-Suq Waħdieni jrid jindirizza l-isfidi iżda fuq kollox jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha fl-Unjoni Ewropea u l-intrapriżi li jaħdmu fih. Messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f'Kunsill Ewropew Informali bejn il-Mexxejja Ewropej li tlaqqa' fi Brussell u tratta diversi temi fosthom il-kompetittività u s-Suq Waħdieni.

Konklużjonijiet ewlenin minn dan il-Kunsill b'rabta ma' dawn it-temi jirriflettu pożizzjonijiet konsistenti li ħadet Malta favur Suq Waħdieni ġust għal kulħadd fosthom fil-qasam tal-mediċini u anki l-importanza li intrapriżi żgħar u medji jkomplu jimirħu. Fil-fatt il-Kunsill qabel favur aktar simplifikazzjoni ta' proċeduri minn awtoritajiet li jmissu magħhom in-negozji u l-mira hi li l-burokrazija f'dan ir-rigward tonqos b'25%.

Il-Mexxejja Ewropej qablu wkoll fuq il-ħtieġa ta' ftehim għall-kompetittività fl-Ewropa li jkompli jixpruna biex l-intrapriżi jaħtfu opportunitajiet li bihom ikollhom operat iżjed sostenibbli fl-ambjent u jagħmlu l-qalbiet li jmiss, jiġifieri dik diġitali u l-ħadra. F'dan il-Kunsill, l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta, li tqabbad mill-Unjoni Ewropea biex jagħmel rapport fuq is-Suq Waħdieni, ippreżenta r-rapport tiegħu, b'Malta tgħid li se tkun qed tanalizza fid-dettall dan ir-rapport wara li laqgħet il-fatt li Letta kkonsulta lill-Gvern Malti fit-tfassil ta' dan ir-rapport b'laqgħa li kellu f'Malta f'Jannar li għadda. Il-Gvern issa se jitlob il-veduti tal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fuq dan ir-rapport.

Il-Prim Ministru Malti nnota li f'oqsma differenti bħall-enerġija u l-aċċess għall-mediċina, is-Suq Waħdieni jrid juri tabilħaqq li qiegħed hemm għal kulħadd b'mod ekwu, inkluż għal Stati Membri żgħar u fil-periferija tal-Ewropa, bħal ma' hi Malta. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll dwar argumenti li ilha tpoġġi Malta u issa jinsabu issiġillati f'konklużjonijiet ta' dan is-Summit dwar prinċipju ewlieni li l-Unjoni Ewropea trid aktar tħares lejh meta tfassal leġislazzjonijiet. Hawn kien qed jirreferi dwar impatti fuq stati żgħar u mhux politika ta' one-size-fits-all. Dan qal li jgħodd għas-settur agrikolu biex nipproteġu l-bdiewa u r-raħħala meqjusa bħala s-sinsla fis-sigurtà tal-ikel u anki japplika fil-Pakkett tal-Mobbiltà. Qal li jilqa' l-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tħares li tnaqqas il-piż fuq intrapriżi u awtoritajiet lokali marbut ma' regolar żejjed li jxekkel il-kompetittività. Il-Kunsill tratta wkoll l-kwistjoni tal-moviment tal-kapital bil-għan li jiġi mmobilizzat investiment minn flejjes privati b'mod strateġiku u f'qafas ta' regolamenti maqbul.

Fil-Kunsill Ewropew, il-Mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani fejn issemmiet anki s-sitwazzjoni fil-Libanu bi ġlied bejn qawwiet Iżraeljani u l-ġellieda tal-Hezbollah. Il-Prim Ministru Malti tenna l-pożizzjoni konsistenti ta' Malta favur il-paċi u l-waqfien permanenti mill-ġlied anki b'konformità mal-addozzjoni ta' riżoluzzjonijiet addottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li pajjiżna preżentament qed jippresiedi. Dr Abela tkellem kontra l-esklazzjoni tal-ġlied fil-Lvant Nofsani anki minħabba l-periklu li l-kunflitt ikompli jinfirex wara l-aħħar tensjonijiet bejn l-Iran u l-Iżrael.

Il-Mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija mhux biss b'rabta ma' koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ naħat iżda anki fuq kwistjonijiet ġeo-politiċi li jolqtu Stati Membri bħall-Greċja u Ċipru.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta tikseb konklużjonijiet importanti dwar is-Suq Waħdieni
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Malta tikseb konklużjonijiet importanti dwar is-Suq Waħdieni
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow