STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Diskussa l-ħtieġa li nkomplu nattiraw aktar nisa lejn is-settur tal-kostruzzjoni
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza konferenza organizzata mill-Kamra tal-Immaniġġjar tas-Settur tal-Kostruzzjoni li ddiskutiet ir-rappreżentanza tan-nisa fis-settur, kif ukoll uħud mill-isfidi komuni li qiegħda tiffaċċja din l-industrija.
L-għan tal-konferenza kien li tingħata ħarsa lejn l-iżviluppi li saru fejn tidħol id-diversità bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni fl-industrija tal-kostruzzjoni li storikament hija waħda dominata mill-irġiel.
“F'Malta, fejn l-irwoli tradizzjonali tas-sessi spiss iddettaw għażliet ta' karriera, in-nisa kellhom jegħlbu l-aspettattivi u l-preġudizzji tas-soċjetà biex jistabbilixxu ruħhom fil-qasam tal-kostruzzjoni dominat mill-irġiel", qal il-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard kompla jitkellem dwar l-impenn tal-gvern li jaħdem fuq suġġetti li permezz tagħhom ħalla u se jkompli jħalli impatt fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika.
“B'diversi inċentivi b'saħħithom ipprovdejna għajnuna biex aktar nisa setgħu jiffukaw fuq il-kisbiet tagħhom u jistinkaw biex jibnu fuq il-miri li kellna bħala pajjiż u dan billi kull individwu, lil hinn mill-ġeneru jkun jista' jiffoka u jibni karriera", kompla l-Ministru Attard.
Minkejja li rrikonoxxa li għad hawn sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati f'dan is-settur, il-Ministru Attard kwota l-aħħar statistika annwali maħruġa mill-JobsPlus li wriet kif mill-2013 'l hawn il-parteċipazzjoni tan-nisa fuq il-postijiet tax-xogħol żdiedet b'aktar minn 30 fil-mija.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Ministru Attard tenna li l-industrija tal-kostruzzjoni, bl-ugwaljanza bejn is-sessi, tista' ttejjeb il-produttività u tmexxi l-bidla pożittiva tant meħtieġa.
Fost id-diversi kelliema li pparteċipaw fid-diskussjoni kien hemm il-Membru Parlamentari Dr Katya De Giovanni, il-Membru Parlamentari Rebekah Borg u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol Dr Josianne Cutajar.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en