STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
INWETTQU FLIMKIEN: L-ITS tespandi l-iskop akkademiku tagħha hekk kif kisbet awto-akkreditazzjoni sa' Livell 7 tal-MQF
L-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) irċeviet estensjoni tal-iskop akkademiku tagħha mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja (MFHEA). Dan ifisser li din l-istituzzjoni se taġġorna l-istatus preċedenti tagħha ta' awto-akkreditazzjoni tal-MQF livell 5, sal-livell ta' Master's Degree (MQF Livell 7).
Din l-estensjoni ngħatat wara li saru rapporti rigorużi ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità Esterna u Verifika tal-Programmi mmexxija mill-MFHEA, permezz ta' nies indipendenti u internazzjonali. Din l-akkreditazzjoni tirrifletti d-dedikazzjoni tal-ITS biex tilħaq kriterji stretti għall-eċċellenza akkademika.
L-estensjoni tal-ambitu li fih topera din l-istituzzjoni hija kisba sinifikanti għall-ITS, billi tivvalida mhux biss id-dedikazzjoni tagħha biex tipprovdi edukazzjoni ta' kwalità għolja iżda wkoll tippermetti lill-ITS tespandi l-offerti akkademiċi tagħha. Bl-awtorizzazzjoni biex jiġu awto-akkreditati programmi ta' studju tal-MQF Livell 6 u 7, l-ITS ser tkun mgħammra biex tindirizza firxa varjata ta' bżonnijiet tal-istudenti u t-talbiet li qed jevolvu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi Pierre Fenech, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja Rose Anne Cuschieri, unions u ħaddiema fi ħdan l-ITS u l-MFHEA.
Il-Ministru Clayton Bartolo sostna li dan huwa ċertifikat ċar li pajjiżna verament qiegħed jagħmel il-qabża fil-kwalità fejn tidħol l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. “Is-sinifikat tal-fatt li l-ITS se tespandi l-iskop akkademiku tagħha jfisser iżjed korsijiet edukattivi ta' rikonoxximent ogħla. Fuq kollox iżjed opportunitajiet għal dawk kollha li jridu jibnu karriera f'din l-industrija tant importanti għall-ekonomija ta' pajjiżna," irrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Ministru Clifton Grima qal, “Kommessi li nkompli bil-ħidma tagħna sabiex l-istudenti f'pajjiżna jkollhom l-aqwa edukazzjoni li twassal għal dak li huwa l-iżvilupp sħiħ tagħhom. Għalhekk b'din iċ-ċertifikazzjoni l-ITS illum għandha l-għodda kollha neċessarji biex tara x'qed jiġri anki f'livell internazzjonali u tkun tista' toħloq u tiċċertifika kif ukoll takkredita programmi ta' kwalità. B'hekk toħloq programmi ta' kwalità bl-aqwa viżjoni li jagħtu l-għodda u l-opportunitajiet lill-istudenti biex dawn ikunu minn ta' quddiem nett kemm fuq bażi lokali imma wkoll fuq bażi internazzjonali."
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en