STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Inwettqu Flimkien: Imniedi l-avveniment POP Sculptcha fl-Esplora
Fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, ġie mniedi l-avveniment “Pop Sculptcha". Id-dettalji dwar dan l-avveniment tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u l-Kap tal-Esplora Olaf McKay.
Permezz ta' dan l-avveniment, li se jittella' bejn it-13 u l-14 ta' April, fl-Esplora l-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw id-dinja tal-kultura pop, li se jinkludu wkoll diversi superheroes, fosthom Superman, Ironman u ikoni oħra tal-comics. Matul dawn il-jumejn se jittellgħu diversi attivitajiet fosthom taħditiet minn artisti rinomati, esibiti fl-Esplora Planetarium, wirjiet ta' statwi tal-kultura pop, kif ukoll kompetizzjoni tal-cosplay, fost attivitajiet oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega kif, permezz tal-kollaborazzjoni mal-għaqda Malta Statue Collectors, qed jiġi organizzat dan l-avveniment. “Konvinti li din l-attività ser tkompli żżid il-firxa ta' attrazzjonijiet li noffru fl-Esplora, li huma immirati għal viżitaturi ta' kull età, minn tfal sa anzjani. Kommessi li nkomplu nassistu u nikkollaboraw sabiex ntellgħu aktar attivitajiet ta' dan it-tip," tenna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Il-Kap tal-Esplora Olaf McKay spjega, “L-iskultura se tkun parti integrali minn dan l-avveniment, fejn se jkun hawn statwi relatati mal-kultura popolari. F'dan ir-rigward se jkunu qed jintwerew numru ta' figuri ta' karattri li tant aħna mdorrijin narawhom fil-comics, fiċ-ċinema jew fuq it-televiżjoni, u se jingħata wkoll tagħrif dwar x'hemm warajhom min-naħa ta' numru ta' protagonisti internazzjonali magħrufin sew fil-qasam."
Is-Segretarju tal-Malta Statue Collectors Kluivert Bonello qal li, “Pop Sculptcha mhux biss huwa avveniment li jappella għall-familja kollha imma se jservi ta' vetrina għall-kollezzjonisti Maltin fejn tidħol l-arti u teknoloġiji ġodda fosthom l-istampar bit-3D. Waqt Pop Sculptcha l-pubbliku se jkun jista' jammira statwi li jifformaw parti minn uħud mill-aqwa kollezzjonijiet Ewropej, kif ukoll ser jingħata l-opportunità li jammira t-talent ta' cosplayers kemm mix-xena lokali kif ukoll dik lil hinn minn xtutna."
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jaċċessa s-sit: https://esplora.org.mt/pop-sculptcha-where-imagination-and-scientific-exploration-unite/
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en