Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI INWETTQU FLIMKIEN: Imħabbra l-Malta Agrifair 2024 – Ċelebrazzjoni tal-Prodott Lokali Malti

PR240530
Date Icon 04/04/2024

Aktar kmieni dalgħodu, f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ġie mħabbar il-programm uffiċjali tal-Malta AgriFair2024.

Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-Malta Agrifair li saret fl-2022 fejn attirat madwar 35,000 persuna bejn residenti lokali u turisti, reġgħu ġew imħabbra d-dati li fihom se tittella' il-Malta Agrifair 2024, dawk bejn il-Ġimgħa 12 t'April u l-Ħadd 14 t'April 2024.

Għal din is-sena, produtturi lokali, fosthom bdiewa, raħħala, sajjieda, artiġġjani lokali, se jkollhom l-opportunità li jesponu l-prodott Malti waqt din iċ-ċelebrazzjoni unika fil-Gżejjer Maltin. Fost l-esebizzjonijiet, se jkun hemm diversi prodotti agrikoli, ħut u apparat għas-sajd, kompetizzjonijiet tal-annimali, u anki l-Malta Kulinarja 2024 b'diversi kompetizzjonijiet ta' ikel varjat.

Il-Ministru Anton Refalo qal “Din hi t-tieni darba li se nkunu qed norganizzaw din il-fiera, bl-għan ewlieni tal-Malta AgriFair hu li tkun vetrina li b'mod innovattiv u interattiv tesponi l-kwalità tal-ikel lokali u turi l-ħiliet u l-kapaċitajiet ta' kull min jaħdem f'dan il-qasam. Il-Malta AgriFair 2024 mhux biss hi opportunità unika biex il-poplu tagħna jkun infurmat u jsir jaf aktar dwar il-varjetà u l-kwalità tal-prodotti tal-ikel u xorb lokali, imma wkoll biex l-esebituri jsiru jafu iktar dwar xulxin u jesploraw kif jistgħu jikkollaboraw bejniethom."

Huwa appella lill-pubbliku Malti u Għawdxi sabiex jattendi ġewwa Ta' Qali għall-AgriFair2024. “Flimkien inkomplu nsaħħu dan is-settur tant strateġiku għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna, filwaqt li nagħtu s-sostenn tagħna lil dak li huwa lokali, il-Prodott Malti li huwa bnin u ta' kwalità," temm jgħid il-Ministru Refalo.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet kemm huwa importanti li jiġu organizzati avvenimenti ta' dan it-tip f'pajjiżna. “L-Agrifair hija festa fejn fiha nesebixxu l-prodotti lokali għat-tgawdija mhux biss taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, iżda anki għat-turisti fejn jistgħu jaraw x'għandu x'joffri pajjiżna," kompliet tgħid Bugeja Said.

“L-Agrifair qiegħda sservi biex bħala Gvern inkomplu nwasslu l-messaġġ ta' sostenibbiltà anki fejn tidħol il-biedja, is-sajd, u l-produzzjoni lokali. B'hekk mhux biss inkunu qegħdin noffru spazju xieraq għall-promozzjoni lill-produtturi lokali tagħna, iżda nesponu wkoll parti integrali mill-wirt kulturali tagħna, dik tal-prodott lokali għat-tgawdija taċ-ċittadini kollha," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari .

Waqt li l-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said żaru l-aħħar preparamenti għal din il-Fiera, Estelle Bonello Sant, Direttur tal-Operat fi ħdan il-Ministeru, spjegat kif il-fiera ser tkun qiegħda tiftaħ mill-10 ta' filgħodu sal-10 ta' filgħaxija. Hija kompliet tispjega wkoll kif is-Sibt 13 t'April mill-5 ta' filgħaxija 'l quddiem ser ikun hemm il-kompetizzjonijiet tal-ġmiel tal-baqar, u l-Ħadd 14 t'April filgħodu ser ikun hemm ukoll il-kompetizzjonijiet tan-nagħaġ u l-mogħoż.

Il-Malta Agrifair 2024 se tittella' bejn it-12 u l-14 t'April 2024 ġewwa l-MFCC f'Ta' Qali. Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jżur is-sit https://agrifair.gov.mt .

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI INWETTQU FLIMKIEN: Imħabbra l-Malta Agrifair 2024 – Ċelebrazzjoni tal-Prodott Lokali Malti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI INWETTQU FLIMKIEN: Imħabbra l-Malta Agrifair 2024 – Ċelebrazzjoni tal-Prodott Lokali Malti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow