Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Inawgurat restawr estensiv li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġiezu

pr240471
Date Icon 23/03/2024

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura l-faċċata restawrata tal-Knisja tal-Franġiskani ta' Ġieżu li tinsab fil-kantuniera ta' Triq San Ġwann u Triq Sant'Ursula fil-Belt Valletta.

Il-Ministru Bonnici spjega li dan ir-restawr tlesta proprju biex il-Knisja tkun tista' titgawda fis-sbuħija kollha tagħha għal żmien ir-Randan u l-Għid; “huwa kbir in-numru ta' persuni li jżuru din il-Knisja, speċjalment fiż-żminijiet tar-Randan u fl-Għid. Ninsab ċert illi l-għarfien ta' din il-Knisja tant maħbuba fil-Belt se jkompli jiżdied u dan ir-restawr jgħin ħafna biex din il-Knisja tkompli tokkupa post importanti fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin."

Il-Ministru Bonnici spjega li permezz tax-xogħol u tad-dedikazzjoni tal-ħaddiema, dan ir-restawr qed jgħin sabiex din il-Knisja tkompli titgawda mill-ġdid kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti li jżuru dawn il-postijiet.

Il-Perit Jean Frendo mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni spjegat li peress li l-faċċata tal-Knisja fi Triq San Ġwann tinsab fi triq kemxejn dejqa u dellija, kienet ikkaratterizzata minn qoxra sewdanija bijoloġika speċjalment fil-gwarniċuni u l-pediment, il-ġebla kienet qed tfarfar u titmermer f'ċerti partijiet bħal frontispizju u b'hekk intilef ċertu dettall arkitettoniku.

Ix-xogħol ta' restawr fuq il-Knisja beda f'Ottubru tal-2022 fi Triq Sant'Ursula fejn l-interventi kienu jinkludu x-xogħol ta' tindif, bdil ta' ġebel, tikħil u mili tal-fili skont il-bżonn. Żebgħa, kisi bis-siment u tikħil li sar fil-passat tneħħa b'attenzjoni kbira minn fuq il-faċċata biex ma ssir l-ebda ħsara lil-ġebla oriġinali.

Qabel beda x-xogħol, tħejjew pjanti tal-faċċati biex juru l-forom ta' deterjorazzjoni u l-interventi li jridu jsiru.  Fejn il-ġebel instab li tmermer iżżejjed, dan ġie immarkat fuq il-post biex jinbidel b'ġebel ġdid bl-istess għoli bħal dak oriġinali. Il-balavostri tal-kampnar kienu wisq immermrin u kellhom jinbidlu kollha. Tikħil b'taħlita bbażata fuq il-ġir intużat biex jerġa' jinbena l-wiċċ tal-ġebla fejn il-ħsara fil-ġebla kienet limitata biex innaqqsu l-bdil ta' ġebel. It-tikħil tal-fili sar ukoll b'taħlita ibbażata fuq il-ġir.  Fl-aħħar, velatura ngħatat il-faċċata biex jittaffa l-impatt viżiv tal-ġebel il-ġdid.

Ix-xogħol ta' restawr, li issa wasal fi tmiemu, tmexxa taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Inawgurat restawr estensiv li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġiezu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Inawgurat restawr estensiv li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġiezu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Inawgurat restawr estensiv li sar fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Franġiskani ta’ Ġiezu
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow