STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR: Beda x-xogħol preparatorju biex erba’ siti f’żoni tal-iżvilupp jinbidlu fi spazji miftuħa għall-pubbliku
30 tunnellata ta' skart goff miġbura mill-erba' siti f'tindif li wettqet Project Green
Project Green ġabret xejn anqas minn 30 tunnellata ta' skart goff minn erba' siti differenti li qabel kienu allokati għal żvilupp u issa se jinbidlu fi spazji miftuħa għal kulħadd. Il-materjal li nġabar ivarja minn skart ta' kostruzzjoni, għal skart tal-plastik u biċċiet tal-għamara fost oħrajn, li ħafna minnhom setgħu faċilment ittieħdu f'ċentri għall-iskart goff jew mormija permezz tas-servizzi offruti mill-Kunsilli Lokali, minflok intremgħu illegalment.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli żaret lill-ħaddiema ta' Project Green li bħalissa qed ilestu dawn is-siti f'Ħal Lija, Ħal Luqa, Ta' Ġiorni f'San Ġiljan u Ħal Kirkop, bi preparazzjoni għat-trasformazzjoni ta' dawn is-siti fi spazji pubbliċi. B'kollox, Project Green se tirriġenera 8,000 metru kwadru t'art f'żoni residenzjali li qabel kienu immarkati għall-iżvilupp.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema għax-xogħol li qed jagħmlu biex fl-iqsar żmien possibbli, Project Green tellqet il-proċess fuq dawn l-erba' spazji. Il-Perit Beverly Costa, Chief Operations Officer tal-Aġenzija, spjegat kif l-aġenzija qed taħdem fuq id-disinji tas-siti ħalli jiġu ppreżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar. Id-disinji tas-siti se jkunu wkoll ippreżentati lill-Kunsilli Lokali rispettivi għal aktar konsultazzjoni.
“Dawn is-siti se jkunu qed joffru spazju mħaddar ġdid ftit passi mid-djar ta' madwar 7,000 familja. Fuq art fejn il-pjan lokali jippermetti li jinbnew madwar 30 blokka t'appartamenti, se nkunu qed niżviluppaw spazji siguri għan-nies u nħaddruhom b'siġar u pjanti oħra indiġeni. Inħares 'il quddiem biex ix-xogħol ikompli miexi kemm fuq dawn is-siti kif ukoll fuq l-ispazji l-oħra li Project Green qed taħdem fuqhom," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
“L-involviment tal-Kunsilli Lokali u li nifhmu l-ħtiġijiet tal-pubbliku huma ta' importanza kbira fl-isforzi tagħna," saħqet il-Perit Beverly Costa. “Aħna impenjati li nittrasformaw dawn is-siti fi spazji pubbliċi li jimxu max-xewqat tal-komunità, filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom."
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en