Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR

pr240445
Date Icon 20/03/2024

Issiġillata l-protezzjoni ta' Ħondoq ir-Rummien: l-ERA tiddikjara din l-art bħala Żona Speċjali ta' Konservazzjoni

Il-Qortin ta' Isopu, il-Ġebla tal-Ħnejja u l-Ġebla tal-Fessej f'Għawdex jingħataw l-istess protezzjoni

Il-Gvern Malti issiġilla l-protezzjoni u l-ħarsien ambjentali ta' Ħondoq ir-Rummien bid-dikjarazzjoni li dan is-sit huwa legalment meqjus bħala Żona Speċjali ta' Konservazzjoni mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Fl-istess proċess, tliet siti oħra f'Għawdex qed jiġu iddikjarati bħala Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni. Dawn huma il-Qortin ta' Isopu, il-Ġebla tal-Ħnejja u l-Ġebla tal-Fessej li permezz ta' notifika li l-Gvern se joħroġ din il-ġimgħa, se jgawdu minn ħarsien ambjentali minħabba r-rikkezzi naturali u ġeoloġiċi tagħhom.

F'Malta, Xrobb l-Għaġin ukoll se jgawdi mill-istess protezzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca u s-Sindku tal-Qala, Pawlu Buttigieg, qalu li issa Ħondoq għandu wkoll il-protezzjoni legali. Fl-2006, din l-art ingħatat għall-iżvilupp u ddaħħlet fil-pjani lokali ta' dak iż-żmien.

“Qed nagħtu lill-Ħondoq fost l-ogħla livelli ta' protezzjoni ambjentali li joffru l-liġijiet ambjentali ta' pajjiżna. Il-Gvern qed jirrikonoxxi b'mod legali u uffiċjali l-importanza naturali ta' din iż-żona bil-ħarsien tal-inħawi fejn insibu bijodiversità rikka b'ħafna habitats differenti, bħax-xagħri, kif ukoll speċi protetti, bħall-ħarrub u siġar taż-żebbuġ maturi," spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Din il-protezzjoni tfisser li attivitajiet f'din iż-żona huma suġġetti għal screening jew studji ambjentali aktar rigorużi minn ta' siti oħra li jinsabu f'żoni barra mill-iżvilupp (ODZ). Fejn jinstab li se jkun hemm impatt negattiv fuq il-bijodiversità tal-inħawi, l-attività ma tkunx tista' ssir jekk l-ewwel ma jiġux eliminati dawn il-konsegwenzi.

“B'kollox qed inżidu madwar 850,000 metru kwadru oħra t'art protetta – daqs 120 ground tal-football, ftit akbar mid-daqs tal-Belt Valletta. Dan ifisser li, b'kollox, kważi 30% tal-art f'pajjiżna hija protetta taħt diversi regolamenti ambjentali," spjegat il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, l-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan hu pass ieħor importanti għall-konservazzjoni taż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien u żoni oħrajn madwar Għawdex fejn permezz ta' din id-deċiżjoni din iż-żona se tkun protetta f'dik li għandha x'taqsam konservazzjoni ambjentali.

"Dan ikompli mal-istess passi li qed tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar fejn għaddej il-proċess u wasal fi qrib it-tmiem tiegħu sabiex din iż-żona tkun waħda designated għall-afforestazzjoni u tkun qiegħda teskludi kull tip ta' żvilupp hawnhekk. Għaldaqstant, nemmen li l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet essenzjali għall-protezzjoni ta' żoni importanti għall-Għawdxin u għall-Maltin sabiex ikunu mhux biss protetti imma jistgħu jitgawdew minna u mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin," qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca spjega kif issa se jkun qed jitfassal pjan ta' konservazzjoni. “Din iż-żieda fiż-żoni protetti hija xhieda tal-ħidma tal-Awtorità. L-ERA se tkompli l-ħidma sabiex jiġu stabbiliti miżuri ta' konservazzjoni għal kull sit, dan filwaqt li tikkordina mal-istakeholders kollha sabiex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji favur dawn is-siti," qal is-Sur Mercieca.

Is-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal dan il-pass: “Ninsab kuntent li Ħondoq ir-Rummien qed jingħata dan it-titlu bħala Żona Speċjali ta' Konservazzjoni biex il-kwistjoni ta' Ħondoq tkun issiġillata darba għal dejjem."

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow