STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Fit-13 ta' Settembru 2023, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru, Mark Musù, ħatru Bord ta' Evalwazzjoni tal-proċessi li jirrigwardaw l-għoti tal-Assistenza għal Diżabilità Severa.
Il-Bord kien presedut mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, u bħala membri kellu s-sinjuri Anthony Scicluna u Raymond Muscat.
It-Termini ta' Referenza għall-Bord kienu dawn:
a. jiddetermina x'wassal biex applikazzjonijiet għall-Assistenza għal Diżabilità Severa minn persuni li allegatament ma kinux medikament eliġibbli ġew aċċettati;
b. jistabbilixxi jekk f'dan il-proċess kienx hemm nuqqasijiet jew irregolaritajiet amministrattivi tul il-proċess ta' verifika, inkluż fl-evalwazzjoni medika;
c. jeżamina jekk is-sistemi u l-proċessi ta' sottomissjoni u evalwazzjoni u verifika ta' applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju humiex b'saħħithom biżżejjed biex jiġi assigurat li l-benefiċċju jingħata biss lil min verament ikun ħaqqu;
d. jirrakkomanda kif meħtieġ x'miżuri għandhom jittieħdu sabiex is-sistemi li bihom jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet kif ukoll l-iskrutinju u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet innifishom, jissaħħu aktar.
Il-Bord lesta r-rapport tiegħu u, kif kien wiegħed il-Gvern, dan qed ikun ippubblikat u fl-istess waqt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru Michael Falzon.
Il-Bord iltaqa' tmintax (18)-il darba fejn sema' x-xhieda tal-uffiċjali ewlenin fi ħdan il-Ministeru li taħthom jaqgħu r-responsabbiltajiet tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, impjegati li b'mod dirett kienu jamministraw id-diversi bordijiet li jiddeċiedu fuq il-benefiċċji rispettivi, kif ukoll numru ta' tobba li jiffurmaw parti mill-panels mediċi. Din ix-xhieda tifforma parti integrali tar-rapport u tinsab annessa miegħu.
Il-Bord jinnota li minħabba l-wasla tal-COVID 19, u għalkemm id-dipartiment kien beda jaħseb biex jintroduċi sistema fejn l-applikazzjonijiet isiru online, il-pandemija ħaffet l-introduzzjoni ta' dan il-proċess. Dan wassal biex, inevitabbilment, inbidel il-mod u l-proċedura ta' kif kellhom jiġu sottomessi d-dokumentazzjoni, iċ-ċertifikati u l-informazzjoni kollha rikjesta biex tiġi pprovduta mill-applikant għall-fini tat-talba għal din l-assistenza. Ħareġ ċar li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-lista tal-kondizzjonijiet mediċi aċċettabbli la qabel u lanqas wara l-pandemija.
Ħareġ ċar ukoll li l-valutazzjoni medika ta' kull applikant kienet f'idejn dawn it-tobba li kienu jarawhom. It-tobba kellhom ikunu sodisfatti li ċ-ċertifikati prodotti kienu jwasslu biex jiddeterminaw jekk l-applikant kienx isofri minn kundizzjoni jew le. Dan kien jiddetermina jekk l-applikant kienx eliġibbli jew le u konsegwentement it-talba tiegħu tintlaqax jew le. F'każijiet ta' epilessija, il-proċeduri kienu jesiġu wkoll li l-applikant jipproduċi dokument mingħand Transport Malta, li juri li hu rrinunzja għal-liċenzja tas-sewqan.
Joħroġ ċar mix-xhieda mogħtija, li t-tobba ta' kull panel kienu jistrieħu totalment fuq iċ-ċertifikati mediċi prodotti mill-applikant. Ħareġ ċar ukoll li t-tobba rinfaċċjati b'dawn iċ-ċertifikati ma kinux jiddubitaw fuq il-validità, il-kontenut jew il-firma fuq tali ċertifikati. It-tobba dejjem assumew li ċ-ċertifikati kienu ġenwini u maħruġa korrettament minn min ikun iffirma. Ir-raġuni għal dan kien li, it-tobba tal-panel kienu jirraġunaw, li billi ċ-ċertifikat kien maħruġ minn speċjalista jew saħansitra minn xi tabib li kien għallimhom l-università jew kien konoxxxenti tagħhom, ma kien jidħol ebda suspett li seta' kien hemm xi ħaġa irregolari f'dawn iċ-ċertifikati.
Jirriżulta li minħabba nuqqas ta' disponibbiltà tat-tobba, wara l-pandemija il-bordijiet mediċi kienu qed isiru b'2 tobba minflok 3, kif inhi l-prassi.
Irid ikun ippreċiżat iżda, li l-aċċess għall-file mediku fiżiku tal-isptar lill-bord ma nqatax wara l-pandemija, iżda meta ma kienx aktar possibbli li l-bordijiet mediċi jibqgħu isiru fl-Isptar Mater Dei. Dan seħħ fl-2015 u mhux wara l-pandemija.
Il-Bord fil-konklużjonijiet tiegħu jagħmel 10 rakkomandazzjonijiet.
- Hu preferibbli li n-numru ta' tobba li jiffurmaw l-panels mediċi rispettivi m'għandux ikun inqas minn tlieta (3). Dan ifisser li n-numru ta' tobba li jifformaw parti mill-pool eżistenti għandu jiżdied sostanzjalment biex tiġi evitata l-prassi li s-segretarji tal-bord jagħżlu t-tobba fuq bażi ta' “availability".
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
- Id-Dipartiment għandu jagħmel valutazzjoni, jekk hu il-każ, ta' l-introduzzjoni ta' bords mediċi speċjalizzati skont id-diżabilità. Dan jgħin ukoll fiż-żamma ta' statistika biex jiġu analizzati, u fejn meħtieġ investigati, xejriet mhux normali.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun qed jagħmel din il-valutazzjoni fid-dawl tal-fatt li fuq il-bażi ta' proposta fil-Manifest Elettorali tal-Gvern u li fuqha ġiet msejsa miżura soċjali fil-Budget 2024, flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, qed titħejja struttura ġdida, sew amministrattiva u sew legali, għat-twaqqif ta' bord interprofessjonali, fejn dan il-bord ikun jista' jiddeċiedi fuq każi ta' diżabilità skont l-International Classification of Functioning, Disability and Health (ICF) tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
B'din l-istruttura l-ġdida, il-bord interprofessjonali ser ikun jista' jiddeċiedi sew fuq il-ħlas tal-assistenzi għal diżabilità u kif ukoll fuq servizzi partikolari li jista' jkollu bżonn u dritt għalihom l-applikant.
- Jekk iċ-ċertifikat maħruġ mill-ispeċjalista ser jibqa' d-dokument ewlieni li fuqu ħa jistrieħ il-bord tat-tobba, id-Dipartiment għandu jiżgura li jkun hemm kontrolli b'saħħithom, u li jkun applikati b'mod konsistenti, biex jiġi żgurat il-validità u l-awtentiċità taċ-ċertifikat preżentat mill-applikant. Dan għandu jiġi indirizzat fil-kuntest tan-'non visible disabilities'.
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
Din ir-rakkomandazzjoni diġà bdiet titwettaq mit-2 ta' Ottubru 2023 'il quddiem, fejn wara numru ta' diskussjonijiet interni wasslu biex jingħataw struzzjonijiet lis-segretarji tal-bordijiet mediċi sabiex jibdew jivverifikaw mal-ispeċjalista li tiegħu ikun jidher li hu kull ċertifikat mehmuż ma' kull applikazzjoni għal din l-assistenza, sabiex jikkonferma bil-miktub jekk tali ċertifikat ikunx verament maħruġ minnu.
Sadattant għaddej ix-xogħol li diġà kien maħsub, sabiex dalwaqt tibda topera sistema ġdida tal-IT li biha l-ispeċjalisti jissottomettu ċ-ċertifikati huma online permezz tal-eID tagħhom u wara jkompli l-proċess tal-applikazzjoni internament.
- Hu rrakkomandat li f'każ ta' 'non-visible disability' issir 'review' tal-benefiċjarju kull tant żmien.
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
- Il-bords għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu joperaw aħjar. Dan jinkludu l-post u l-ispazju fejn jitlaqqgħu l-bords, kif ukoll il-faċilitajiet ta' computers biex ikunu jistgħu jidħlu fis-sistema myHealth. Għalhekk, l-applikant għandu jagħti l-kunsens tiegħu biex il-bord jara l-file mediku tiegħu.
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
- Għandha tinżamm il-prassi li, f'każ li l-applikant ma jistax joħroġ mid-dar, il-membri kollha tal-panel mediku għandhom jmorru biex jeżaminaw l-applikant fid-dar tiegħu.
Il-Ministeru se jkun qed ikompli jwettaq din ir-rakkomandazzjoni kif diġà qed isir.
- Illi minbarra l-formula MP5B, li fiha jkun hemm id-deċiżjoni ffirmata mit-tobba u mis-segretarju tal-bord, għandhom jinżammu wkoll minuti uffiċjali ta' kull seduta.
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
- Kull tabib maħtur f'kull panel għandu jiddikjara kull kunflitt ta' interess.
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
- Il-unit li jinvestiga l-abbużi f'kull benefiċċju ma għandux jibqa' jifforma parti mill-Income Support and Compliance Division. Hu ssuġġerit li dan l-unit jibda jirrapporta direttament lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.
Il-Ministeru se jkun qed jikkunsidra din ir-rakkomandazzjoni. Irid jingħad li minn meta d-Direttorat li jinvestiga l-abbużi mill-benefiċċji ingħaqad fid-Diviżjoni tal-Income Support and Compliance, ir-riżultati ta' dan id-Direttorat komplew jitjiebu bil-kbir.
Waqt li fl-2012 kienu nqabdu 548 persuna jieħdu l-benefiċċji soċjali b'mod abbużiv li kienu jammontaw għal €2.8m, fl-2023 inqabdu 894 persuna bil-benefiċċji soċjali jammontaw għal €5.9m. Dan minbarra ħidma preventiva oħra li ssir minn din id-diviżjoni fil-fażi tal-iskrutinju tal-applikazzjonijiet li qed twassal għall-iffrankar ta' miljuni oħra fis-sena f'benefiċċji soċjali li mhux jitħallsu.
Irid jingħad ukoll li kien proprju permezz tal-ħidma konġunta fi ħdan din id-diviżjoni li wasslet biex ġew skoperti ċertifikati mediċi suspettużi li wasslu biex il-pulizija firxet aktar l-investigazzjonijiet li diġà kienet qed tagħmel wara l-każ riferut lilha mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li wassal biex inqabdu l-persuni li allegatament kienu l-moħħ wara dak li kien qed isir.
- Għandhom jiġu mfassla 'Standard Operating Procedures' (SOPs) biex iservu ta' linji gwida. Dawn l-SOPs għandhom jirriflettu kull tibdil li jsir fil-proċessi u proċeduri. Dawn għandhom jiġu mogħtija lil kull membru ta' kwalunkwe bord mediku mal-ħatra.
Il-Ministeru se jkun qed iwettaq din ir-rakkomandazzjoni.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jixtieq jirringrazzja lill-Imħallef Emeritu Mizzi u s-Sinjuri Scicluna u Muscat għall-ħidma tagħhom fuq dan il-bord.
Punti saljenti
Il-Ministeru jfakkar li kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li rrefera l-ewwel każ suspettuż f'Novembru 2021 u li minn Diċembru 2021 'l hawn, l-uffiċjali tad-Diviżjoni tal-Income Support and Compliance fi ħdan il-Ministeru kienu qed jaħdmu kontinwament flimkien mal-pulizija sabiex jinvestigaw kull każ li ngħata l-Assistenza għal Diżabilità Severa mill-2015 'l hawn.
Dawn l-investigazzjonijiet intensivi, li issa resqin lejn it-tmiem tagħhom, wasslu biex 288 Assistenza għal Diżabilità Severa twaqqfu fuq struzzjonijiet tal-pulizija, ittieħdu passi kontra l-persuni ikkonċernati u ntalbu jirrifondu dak li ħadu b'qerq.
Minkejja li l-uffiċjali tal-Ministeru qed imorru lura fl-investigazzjoni tagħhom sal-2015, kważi l-każi kollha li twaqqfu bdew jieħdu l-benefiċċju bejn l-2019 u l-2022 ħlief żewġ każi, wieħed fl-2016 u l-ieħor fl-2018.
Jirriżulta bl-aktar mod ċar li minn dawk kollha li ħadu din l-assistenza bejn l-2019 u l-2022, 3 minn kull 4 persuni ngħataw il-benefiċċju għax kien ħaqqhom u huma ġenwini.
In-numru ta' persuni li qarrqu bis-sistema huwa ferm anqas miċ-ċifri li għal xi żmien kienu qed jiġu kkwotati pubblikament, u dan kien qed isir mingħajr ma kienu qed jiġu vverifikati l-fatti.
Il-288 persuna li nqabdu jieħdu l-assistenza b'mod frawdolenti b'kollox iridu jirrifondu bejniethom ftit aktar minn €5.1m li minnhom diġà nġabru ftit aktar minn €1m. Meta jkunu kkunsidrati l-każi li nqabdu bejn l-2019 u l-2022, il-medja tagħhom hija ta' 71 każ fis-sena.
Min-naħa l-oħra, il-każi kollha ta' abbuż mill-benefiċċji soċjali li nqabdu bl-investigazzjonijiet regolari u kontinwi interni tal-uffiċjali tal-Ministeru bejn l-2006 u l-2023 b'kollox kienu 12,809 persuna jew medja ta' 712-il każ fis-sena.
B'kollox bejniethom dawn kienu qed jieħdu, jew ġew iffrankati milli jieħdu, total ta' €70.1m. Li kieku ma nqabdux, is-somma li kienu jilħqu jieħdu kienet tkun ferm iżjed.
Il-288 każ maqbuda issa, jirrappreżentaw appena 2.25% tal-abbużi kollha maqbuda fl-aħħar 18-il sena.
Fl-isfond ta' dan kollu, dmirna jibqa' li nwettqu ġustizzja soċjali; filwaqt li rridu nagħtu l-għajnuna u s-sostenn li min verament ħaqqu kif għamilna b'għexieren ta' miżuri soċjali fl-aħħar 11-il sena, irridu nassiguraw li min jabbuża jinqabad, jirrifondi lura, u fejn ikun applikabbli jittieħdu passi fil-konfront tiegħu, speċjalment fil-konfront ta' min ikun il-moħħ wara tali frodi.
Dan għamilnieh, qed nagħmluh u se nibqgħu nagħmluh bl-akbar saħħa u determinazzjoni mingħajr ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en
PR240433a.pdf