Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI

pr240421
Date Icon 15/03/2024

Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-Università ta' Malta

Bl-iffirmar tal-Memorandum of Understanding bejn l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Università ta' Malta se tkun qiegħda tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Dan bil-għan li jiġu indirizzati realtajiet ġodda f'dan is-settur u jissaħħu l-ħiliet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fost affarijiet oħra, permezz ta' dan il-ftehim l-Università għandha tidentifika suġġetti li huma rilevanti għall-funzjonijiet tal-OHSA, li jistgħu jiġu inkorporati fil-Baċellerat fis-Saħħa u s-Sigurtà Okkupazzjonali (bl-Unuri) u jiġi wkoll iffaċilitat l-involviment tal-istudenti f'attivitajiet prattiċi tal-OHSA.

Min-naħa tagħha l-Awtorità se tkun qiegħda tikkollabora mal-Università biex jidentifikaw opportunitajiet ta' proġetti ta' riċerka għall-istudenti, dwar oqsma ta' importanza. L-Awtorità se tkun qiegħda toffri wkoll lill-istudenti fil-programm undergraduate tal-istess Baċellerat, l-opportunità li jżuru l-faċilitajiet tagħha sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonijiet u l-proċeduri tal-OHSA, kif ukoll jakkumpanjaw uffiċjali tal-Awtorità waqt id-dmirijiet tagħhom.

Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-MOU, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tkellem dwar soċjetà dinamika li kontinwament qiegħda tinbidel u għalhekk jeħtieġ li filwaqt li jiżdiedu l-opportunitajiet ta' taħriġ, ikun hemm titjib fil-kompetenzi.

“Dan huwa żmien importanti, fejn twettqu u se jkomplu jitwettqu numru ta' riformi b'konformità mal-programm ta' ħidma tal-Gvern u anke fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Għalhekk, dan il-ftehim ta' kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-Università ta' Malta, għandu jimlina bil-kuraġġ fil-ħidma tagħna għal standards aktar għoljin fis-settur," tenna l-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li l-istudenti jkollhom esperjenza fuq post tax-xogħol li tikkumplimenta l-istudji tagħhom.

“Dan huwa parti importanti mit-taħriġ li jieħdu l-istudenti għaliex huwa pass ieħor ħalli jkollhom esperjenza ta' edukazzjoni sħiħa marbuta mal-edukazzjoni tagħhom," qal il-Ministru Grima. Huwa qal li permezz ta' dan il-ftehim, il-ħtiġijiet tal-istudent qed jitpoġġew fiċ-ċentru biex is-settur edukattiv tassew iwassal lill-istudenti biex jilħqu l-aspirazzjonijiet futuri tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar irrikonoxxiet li l-Awtorità tagħraf lill-Uffiċjal tas-Saħħa u s-Sigurtà mhux biss bħala professjonist, iżda anke li jeżerċita xogħlu b'valur qawwi vokazzjonali. Qalet li din il-professjoni hi waħda fundamentali fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha f'pajjiżna.

“Flimkien mal-Università, qegħdin naqsmu l-viżjoni u b'impenn naħdmu flimkien sabiex din il-professjoni tiżviluppa b'tali mod li nżidu l-kompetenzi ta' dawn il-professjonisti u nimxu lejn speċjalizzazzjonijiet f'setturi differenti tax-xogħol," qalet Cutajar.

Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Professur Alfred J. Vella, qal li huwa dmir ċiviku tal-Università li tikkommetti ruħha u tagħmel riċerka li effettivament tagħmel differenza fis-soċjetà. “Riċerka li direttament tindirizza t-tnaqqis ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u bħala riżultat ta' dan, ittejjeb il-benesseri tal-impjegati f'kull settur, m'għandhiex biss tkun prijorità, imma għandha wkoll tkun għan komuni li għandna nistabbilixxu fit-tul," temm jgħid il-Professur.

Preżenti għall-iffirmar ta' dan il-Memorandum of Understanding kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea u d-Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji dwar ix-Xogħol Dr Luke A. Fiorini.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow