STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Inawgurat il-proġett ta’ tisbiħ tal-Belvedere tan-Nadur li bbenefika mill-fondi tad-Development Planning Fund
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura l-proġett ta' tisbiħ tal-Belvedere tan-Nadur li jħares fuq il-wied ta' San Blas min-naħa taż-żona tal-Ħali. Dan il-proġett kellu finanzjament ta' €61,000 mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar.
“Huwa ta' sodisfazzjoni li inawgurajna dan il-proġett tal-Belvedere fin-Nadur, proġett ieħor li l-Kunsill Lokali tan-Nadur seta' jwettaq permezz ta' fondi li rċieva mid-Development Planning Fund. Id-Development Planning Fund ġie stabbilit fl-2017 u permezz tiegħu ffinanzja għadd kbir ta' proġetti komunitarji madwar il-Gżejjer Maltin," spjega l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri kompla jispjega li l-fondi tad-Development Planning Fund jiġu minn żewġ sorsi; il-miżati (20%) assoċjati ma' applikazzjonijiet ta' regolarizzazzjoni u t-tariffi li jiġi ċċarġjat żviluppatur meta ma jkunx ipprovdut parkeġġ fuq il-post ma' permess ta' żvilupp. Il-proġetti li bbenefikaw fl-aħħar snin jinkludu tisbiħ ta' playing fields u spazji miftuħa, restawr u riġenerazzjoni ta' proprjetajiet antiki għal faċilitajiet ta' komunità soċjali, dawl fit-toroq li jiffranka l-enerġija, installazzjoni ta' gyms fil-miftuħ u ħafna aktar. Il-proġetti proposti jkunu jistgħu jirċievu sa massimu ta' 70% tal-ispiża totali tal-proġett.
Matul dawn l-aħħar snin il-Kunsill Lokali tan-Nadur seta' jwettaq numru ta' proġetti li ġew iffinanzjati permezz tad-Development Planning Fund. Dawn il-proġetti, li saru fi nħawi differenti tan-Nadur, kienu jvarjaw minn tqegħid ta' planters fil-pjazza ewlenija, tqegħid ta' tagħmir għal taħriġ fiżiku; u tiswija ta' poġġaman in-naħa tat-Torri ta' Kenuna.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li jħares 'il quddiem sabiex permezz ta' dan il-fond ikomplu jibbenefikaw aktar Kunsilli Lokali biex jagħmlu proġetti bħal dawn li jgawdu minnhom il-komunitajiet tagħna u għalhekk ħeġġeġ aktar Kunsilli biex joħorġu b'inizjattivi u proġetti differenti għall-ġid tar-residenti u ta' kull min iżur l-irħula. Huwa irringrazzja lil kull min ħadem sabiex dan il-proġett seta' jitlesta, lill-Kunsill tan-Nadur, lill-ħaddiema fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar u lil dawk kollha li taw sehemhom.
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Sindku tan-Nadur Edward Said u s-Sindku ta' Zafferana Etnea Salvatore Russo.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931