Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, U X-XOGHOL: Il-Ministru Byron Camilleri jmexxi delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja

pr240381
Date Icon 09/03/2024

Il-qofol taż-żjara tad-delegazzjoni Maltija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol intlaħaq f'laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid al-Dbeibeh u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. Matul din il-laqgħa ġie diskuss il-progress li qed isir fil-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi f'diversi oqsma relatati mal-infurzar tal-liġi u s-sigurtà, l-eżerċizzji ta' taħriġ għall-forzi tal-ordni Libjani u oqsma ġodda ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi.

Il-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid al-Dbeibeh kellu kliem ta' ringrazzjament speċjali għal Malta, partikolarment għall-għajnuna mogħtija lill-poplu Libjan mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta' Malta wara l-għargħar li ħakmu lil Derna f'Settembru 2023.

Il-Ministru Byron Camilleri ltaqa' wkoll mal-Ministru għall-Intern Libjan Emad Trabelsi fejn ġew diskussi miżuri oħra konkreti kif Malta tista' tkompli tassisti l-eżerċizzju ta' żvilupp tal-kapaċitajiet tal-forzi tal-ordni Libjani. Iż-żewġ naħat tkellmu fuq metodi differenti kif tissaħħaħ il-ħidma bejn l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi fuq iż-żamma tal-ordni fir-reġjun, inkluż l-infurzar tal-liġi fuq il-baħar. Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar l-immigrazzjoni irregolari u l-ħidma tal-awtoritajiet Libjani fuq l-art u l-baħar biex titrażżan il-kriminalità organizzata u jiġi evitat it-telf ta' ħajjiet.

Il-Ministru Camilleri żar ukoll l-akkademja tal-Pulizija f'Tajoura fejn segwa mill-qrib ir-riżultat tat-taħriġ li pprovdew uffiċjali mill-Forzi Armati ta' Malta. Huwa radd ħajr lill-uffiċjali Maltin li pprovdew it-taħriġ fil-Libja u ppreżenta ċertifikati lill-uffiċjali Libjani li temmew it-taħriġ b'suċċess. Taħriġ simili ngħata lill-uffiċjali Libjani oħra involuti fis-salvataġġ bl-ajru u bil-baħar.

Id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll mal-Ġeneral Mohammed Al-Haddad, il-Kmandant tal-Armata Libjana, flimkien mal-kapijiet tat-taqsimiet militari li jaqgħu taħtu. Iż-żewġ naħat tkellmu dwar kif Malta tista' tkompli tagħti kontribut fit-tisħiħ tar-riżorsi umani tal-forzi tas-sigurtà Libjani u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali fil-Mediterran.

Fi tmiem iż-żjara l-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Gvern u l-awtoritajiet Libjani tal-koperazzjoni kontinwa tagħhom u reġa' esprima l-impenn ta' Malta sabiex din il-koperazzjoni tissaħħaħ u tikseb appoġġ ta' aktar pajjiżi Ewropej. Huwa nnota l-progress li sar mill-awtoritajiet Libjani fil-konsolidament tal-awtoritajiet tas-sigurtà u awgura li l-Unjoni Ewropea u l-Libja jaħdmu aktar flimkien sabiex jissaħħaħ dan il-progress.

“Ħadd ma għandu jibqalu dubbju li s-sitwazzjoni u s-sigurtà fil-Libja għandhom impatt dirett fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u n-naħa t'isfel tal-Ewropa. Il-kollaborazzjoni bejn il-Libja u pajjiżi ġirien bħal Malta tissarraf fil-ħarsien taċ-ċittadini Maltin u Libjani u l-interessi tagħhom fiż-żewġ pajjiżi," qal il-Ministru Camilleri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, U X-XOGHOL: Il-Ministru Byron Camilleri jmexxi delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, U X-XOGHOL: Il-Ministru Byron Camilleri jmexxi delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, U X-XOGHOL: Il-Ministru Byron Camilleri jmexxi delegazzjoni Maltija fl-oqsma tas-sigurtà fil-Libja
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

More Press Releases Right arrow