STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Sejħa għal avukati u periti biex jassistu ċittadini affettwati mis-settur tal-kostruzzjoni
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qiegħed iħabbar li b'konformità mal-impenn tal-Gvern li jagħti vuċi aktar b'saħħitha liċ-ċittadini affettwati mis-settur tal-kostruzzjoni, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ħarġet żewġ sejħiet pubbliċi ta' interess. Waħda mis-sejħiet hija għal avukati u l-oħra hija għal periti li huma interessati jingħaqdu f'pool ta' professjonisti li se jkun qiegħed jipprovdi dan is-servizz ġdid.
“Waħda mill-prijoritajiet li poġġejna quddiemna fir-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni, hija dik li nagħtu vuċi aktar b'saħħitha lil dawk iċ-ċittadini li jridu jħarsu d-drittijiet tagħhom mis-settur tal-kostruzzjoni u dan se nwettquh b'investiment f'servizzi ġodda bħal assistenza professjonali legali u teknika b'xejn", saħaq il-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard qal li dan is-servizz se jkun eventwalment ikkumplimentat minn helpline 24/7, fejn wieħed jista' jirrapporta u jwassal l-ilmenti tiegħu. Dan il-helpline se jkun qed jaħdem paripassu mat-tisħiħ tal-infurzar permezz ta' taqsima ċentralizzata.
Il-Ministru tenna l-impenn tiegħu li joffri aktar serħan il-moħħ liċ-ċittadini li jħossuhom inkwetati meta jiġu milquta b'mod negattiv minn xi żvilupp li jkun qiegħed iseħħ ħdejhom.
L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se tkun qiegħda tilqa' l-applikazzjonijiet biex jintgħażlu l-professjonisti biex jiffurmaw dan il-panel. Dan biex ikun jista' jiġi varat is-servizz ġdid bla ħlas għall-benefiċċju taċ-ċittadini affettwati mis-settur tal-kostruzzjoni.
Is-sejħa pubblika se tibqa' miftuħa sad-29 ta' Marzu 2024 u tista' tkun aċċessata minn: www.bca.org.mt
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931