Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U GVERN LOKALI Il-kanzunetta ‘Mhux tal-Aħħar’ tirbaħ ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika

pr240248
Date Icon 17/03/2024

Żieda fil-livell għar-raba' sena konsekuttiva, permezz ta' spettakli live mill-isbaħ bis-sehem ta' uħud mill-aqwa talenti lokali

Ingħalaq is-siparju fuq il-festival Mużika Mużika, li ntemm b'suċċess wara tlett iljieli li ċċelebraw il-mużika Maltija. Il-festival ra żieda fil-livell għar-raba' sena konsekuttiva, permezz ta' spettaklu live tal-għola livell bis-sehem ta' ftit mill-aqwa artisti lokali. Waqt is-serata finali tas-Sibt 16 ta' Marzu, tħabbret il-kanzunetta rebbieħa tar-raba' edizzjoni tal-festival li ġġib l-isem ta' 'Mhux tal-Aħħar', interpretata minn Maxine Pace fuq mużika ta' Cyprian Cassar u lirika ta' Emil Calleja Bayliss. Il-kanzunetta 'Vjaġġ Sabiħ', interpretata minn Kantera, fuq mużika ta' Kantera u Micimago u lirika ta' Joe Julian Farrugia ġiet klassifikata fit-tieni post, waqt li l-kanzunetta 'Fil-Qrib', interpretata minn Cliff Zammit Stevens, fuq mużika ta' Philip Vella u lirika ta' Joe Julian Farrugia ġiet klassifikata fit-tielet post. Ġew rikonoxxuti wkoll is-Surmast Aurelio Belli għall-Aqwa Arranġament Mużikali tal-kanzunetta '3 Ta' Ġunju 2021' u l-kantanta GIADA għall-Aqwa Interpretazzjoni tal-kanzunetta 'Imħabba Vera'.

''Assistejna għal tlett iljieli li ċċelebraw il-mużika Maltija u għal sena oħra reġgħu ħallewna msaħħrin. Il-festival ta' din is-sena tela' għal livelli ġodda, u ta pjattaforma għat-talent lokali li interpretaw kanzunetti mill-isbaħ bil-lingwa tagħna l-Maltin u l-Għawdxin", spjega l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. “Filwaqt li nawgura lir-rebbieħ tar-raba' edizzjoni ta' Mużika Mużika, nagħtu wkoll ħajr lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u lis-Surmastrijiet rispettivi għall-arranġament mużikali tal-kanzunetti li smajna matul dawn il-jiem u lill-kantanti kollha għall-prestazzjonijiet tagħhom u t-tim kollu li ħadem minn wara l-kwinti", saħaq il-Ministru Bonnici. “Grazzi lil dawk kollha li taw sehemhom għal dan l-avveniment indimentikabbli, inkluż il-kompożituri, awturi u tekniċi. Ejja nkomplu nħallu l-imħabba lejn il-mużika Maltija tkompli tissawwar ġewwa fina lkoll", temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Aaron Zahra, Chairman ta' Festivals Malta esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn il-produzzjoni tar-raba' edizzjoni tal-festival u bis-suċċess li nkiseb. “It-tim ta' Festivals Malta reġa' ssupera kull aspettattiva kemm fejn tidħol il-livell tal-produzzjoni, l-elementi tekniċi bl-aktar teknoloġija moderna, il-koordinazzjoni tal-festival, kif ukoll l-elementi kollha l-oħra li jaħdmu f'armonija perfetta biex Mużika Mużika jkun ta' suċċess. Nirringrazzja lit-tim kollu, lill-kollaboraturi, lit-tekniċi, u b'mod speċjali lill-artisti li mingħajr it-talent tagħhom dan il-festival ma jkunx possibbli. Kommessi li bħala Festivals Malta nibqgħu ngħollu l-livell tal-avvenimenti li nipproduċu biex kull sena nkomplu ntejbu l-prodott tagħna. Inħares 'il quddiem li b'mod immedjat tibda l-ħidma għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla li timmarka l-ħames sena ta' Mużika Mużika." Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius tkellem fuq l-importanza ta' festival bħal Mużika Mużika li permezz tiegħu l-kanzunetta Maltija reġgħet kisbet pjattaforma prominenti fix-xena tal-mużika lokali. “Mużika Mużika huwa ċelebrazzjoni ta' mużika Maltija li jżewwaq il-portafoll ta' Festivals Malta. B'Mużika Mużika, Festivals Malta mhux biss iżżid l-apprezzament lejn il-mużika u l-ilsien Malti, iżda tgħin lill-artisti lokali biex jippreżentaw il-mużika tagħhom fuq livell ugwali bħal dak ta' pajjiżi oħra. Nirringrazzja lill-kollegi tiegħi ta' Festivals Malta għall-impenn tagħhom u niffraħ lir-rebbieħ, filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw għall-professjonalità tagħhom."

Raymond Bugeja, Chairman ta' Mużika Mużika qal, “kburi bir-riżultat ta' Mużika Mużika li għar-raba' sena konsekuttiva rnexxielu jilħaq miri ġodda. Dan il-festival huwa prova ċara tal-abbundanza tat-talent Malti, li dejjem qed ikompli jogħla fil-livell, u kburi ngħid li l-għan prinċipali għalxiex dan il-festival reġa' ingħata l-ħajja, intlaħaq. Prova ċara ta' dan huwa l-kwalità għolja ta' kompożizzjonijiet li ta' kull sena dejjem qed jitjiebu fil-livell." Id-Direttur Artistiku ta' Mużika Mużika, Paul Abela, ikkonkluda b'messaġġ lill-artisti parteċipi, filwaqt li awgura r-rebbieħ li bla dubju ta prestazzjoni mill-aqwa. “L-istandard tal-festival kompla jiżdied, u kuntent ngħid li l-artisti tagħna huma fuq livell eċċezzjonali. Filwaqt li nawgura lir-rebbieħ ta' din l-edizzjoni , nfakkar li waqt Mużika Mużika r-rebbieħa ewlenija hija l-kanzunetta Maltija, li hija ċ-ċentru ta' dan il-festival tant maħbub. Żgur li l-ħames edizzjoni ta' Mużika Mużika ħa tkun waħda xejn inqas minn spettakolari."

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien ma' Festivals Malta u l-bord ta' Mużika Mużika, jirringrazzjaw lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor kienu involuti waqt Mużika Mużika u jesprimu l-gratitudni lejn il-pubbliku li ta' kull sena jappoġġjaw dan il-festival bi ħġaru.

Il-Kanzunetti rebbieħa huma:

L-EWWEL POST:

Kanzunetta: Mhux tal-Aħħar

Kantanta: Maxine

Kompożitur: Cyprian Cassar

Awtur: Emil Calleja Bayliss

Premju Monetarju*: €20,000

IT-TIENI POST:

Kanzunetta: Vjaġġ Sabiħ

Kantanti: Kantera

Kompożituri: Kantera u Micimago

Awtur: Joe Julian Farrugia

Premju Monetarju*: €10,000

IT-TIELET POST:

Kanzunetta: Fil-Qrib

Kantant: Cliff Zammit Stevens

Kompożitur: Philip Vella

Awtur: Joe Julian Farrugia

Premju Monetarju*: €5,000

L-AĦJAR ARRANĠAMENT MUŻIKALI:

Kanzunetta: 3 Ta' Ġunju 2021

Arranġament: Aurelio Belli

Kantant: Neville Refalo

Kompożitriċi: Corazon Mizzi

Awtriċi: Corazon Mizzi

L-AĦJAR INTERPRETAZZJONI:

Kanzunetta: IMĦABBA VERA

Kantanta:  GIADA

Kompożitur: Glen Vella

Awtur: Philip Vella

Il-premijiet monetarji ser jiġu ppreżentati f'ċerimonja apposta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U GVERN LOKALI Il-kanzunetta ‘Mhux tal-Aħħar’ tirbaħ ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U GVERN LOKALI Il-kanzunetta ‘Mhux tal-Aħħar’ tirbaħ ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow