STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA Mill-bidu tal-proġett nazzjonali dwar l-indafa u manutenzjoni nġabru 65 tunellata ta’ skart
Mill-bidu tal-proġett nazzjonali dwar l-indafa u l-manutenzjoni f'Ottubru 2023 sa issa saru interventi f'21 lokalità, fejn tneħħew aktar minn 65 tunellata ta' skart. L-interventi, li kienu jinkludu knis, qtugħ ta' ħaxix u tindif ieħor, saru mill-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni flimkien ma' entitajiet governattivi oħrajn.
Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni sa issa poġġiet 8 compact sweepers f'diversi toroq arterjali u lokalitajiet maġġuri. Sa Jannar biss, dawn il-magni kinsu mal-2,000 kilometru ta' toroq li fihom inġabru mat-30 tunnellata ta' street residue.
Huwa ppjanat ukoll li permezz tal-makkinarju ġdid teknoloġiku li ġiet mgħammra bih id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ser jiġu mgħejuna 24 lokalità oħra. Preżentament qiegħed isir ppjanar ta' rotot ta' kif ser jaħdmu r-robots u sweepers imsemmija. Dan ser ikun qiegħed isir wara taħriġ estensiv lill-ħaddiema ta' Clean Malta minn persuni tekniċi barranin.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, u d-Direttur Ġenerali ta' Clean Malta Ramon Deguara.
Il-Ministru Clayton Bartolo spjega li l-indafa pubblika kontinwa hija ta' prijorità għal dan il-Gvern. “Bħala Gvern ser nagħtu iżjed riżorsi lill-Kunsilli Lokali biex huma wkoll jagħmlu użu mis-servizzi ta' Clean Malta. Ftit tas-snin ilu, konna nedejna proġett pilota ma' numru ta' kunsilli lokali fuq dan ir-rigward u kien ta' benefiċċju kbir. Issa qegħdin naraw li dak l-istess eżerċizzju nestenduh ma' firxa akbar ta' Kunsilli Lokali madwar pajjiżna," saħaq il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield sostna li “Meta nsebbħu u nżommu pajjiżna nadif se jgawdu minn dan il-poplu Malti kif ukoll dawk kollha li jżuruna. L-għan aħħari jibqa' li bħala poplu Malti u Għawdxi ngħixu f'pajjiż li jilqgħek, pajjiż nadif u konsegwentement pajjiż f'saħħtu. Għaliex l-indafa u l-manutenzjoni tal-madwar tagħna huma l-ingredjent prinċipali għal soċjetà sana u f'saħħitha."
Id-Direttur Ġenerali ta' Clean Malta Ramon Deguara elenka kif dan il-proġett nazzjonali qiegħed iħalli l-frott, fejn l-interventi imsemmija qegħdin jagħtu bidla fid-dehra tat-toroq li ngħixu fihom.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934