Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Għall-ewwel darba Malta se jkollha awtorità ffukata fuq il-klima

pr240167
Date Icon 05/02/2024

Ippreżentat l-Abbozz li jirregola t-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima

Malta se tkun qed twaqqaf l-ewwel awtorità ddedikata għall-azzjoni favur il-klima permezz t'abbozz li se jiġi diskuss fid-dettal fil-Parlament. L-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima se tkun qiegħda tevalwa l-politika relatata mat-tibdil fil-klima biex l-azzjonijiet li pajjiżna qed jieħu biex jimmitiga u jadatta għall-klima jkunu tassew azzjonijiet pożittivi u koordinati.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie spjegat f'aktar dettal l-Abbozz li permezz tiegħu se tkun qed titwaqqaf din l-awtorità.

“Għall-ewwel darba Malta se jkollha awtorità ffukata fuq il-klima u l-azzjoni li rridu nieħdu, b'mod kollettiv bħala pajjiż. Dan huwa Gvern determinat li nippromwovu għajxien sostenibbli u għaldaqstant neħtieġu azzjoni deċiżiva u koordinata favur l-azzjoni klimatika," spjegat il-Ministru Dalli.

Il-Ministru kompliet tispjega kif il-pajjiż irid idawwar l-isfidi li jġib miegħu t-tibdil fil-klima f'opportunitajiet biex dawn il-pressjonijiet jiġu mitigati.

“It-tibdil fil-klima qed joħloq pressjoni akbar fuq is-setturi tat-turiżmu, il-biedja u s-sajd, pressjoni fuq setturi bħal mhuma tal-manifattura u l-industrija fost oħrajn u, fuq kollox, l-impatt fuq is-saħħa. Ma' dawn l-isfidi iżda jeżistu l-opportunitajiet, bħalma huma ħolqien ta' impjiegi fl-ekonomija l-ħadra, prodotti finanzjarji li jgħinu t-transizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda," qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Spjegat kif it-triq 'il quddiem f'dawn l-oqsma hija li kull settur jikkontribwixxi għall-azzjonijiet favur il-klima, anke biex tintlaħaq il-mira tal-Gvern li l-ekonomija ta' pajjiżna tkun dekarbonizzata sal-2050.

“Hemm diversi inizjattivi għaddejjin u rridu nkomplu nikkumplimentaw dawn l-inizjattivi b'aktar ħidma, li jkomplu jgħinuna f'din it-transizzjoni. Biex dan iseħħ, il-miri u l-obbligi li għandu pajjiżna jridu jintlaħqu bi pjan kkoordinat. Dan ifisser li jrid ikun hemm koordinament fis-setturi li l-aktar jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, b'koordinament ukoll fejn jidħlu l-inizjattivi u l-pjan ta' azzjoni ta' dawn is-setturi," tenniet il-Ministru Dalli.

L-abbozz jipproponi li l-Awtorità twettaq diversi funzjoni, fosthom:

  • Li tqajjem għarfien u kuxjenza akbar dwar it-tibdil fil-klima u l-azzjonijiet meħtieġa.
  • Li timplimenta mekkaniżmi sabiex jiġu fformulati u addottati strumenti legali mitluba fuq livell nazzjonali jew internazzjonali b'rappurtaġġ konsolidat ta' dak li jkun qed jiġi implimentat.
  • Li tħejji strateġija nazzjonali fit-tul.
  • Li tħejji strateġija nazzjonali ta' adattament għall-klima.
  • Li taġġorna l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECP).
  • Li tiġbor id-data neċessarja relatata mal-azzjoni klimatika.

L-Att jistabbilixxi wkoll li l-Awtorità jkollha Bord tad-diretturi u Kunsill Nazzjonali għall-Azzjoni dwar il-Klima.

“Irridu awtorità li tkun proattiva u li toffri viżjoni fit-tul," temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi, l-awtorità se tkun qed tieħu post l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA). Għal dan il-għan, il-Gvern qed iressaq emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent. L-għan ta' dan l-abbozz huwa sabiex jipprovdi għat-trasferiment tal-aspett tar-riżorsi mill-MRA għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). B'hekk, l-ERA se tkun qed tingħata responsabbiltajiet ġodda biex tiżgura l-aqwa użu tar-riżorsi minerali u tirregola l-minerali estratti.

L-abbozz li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima huwa aċċessibbli fuq is-sit tal-Parlament: https://www.parlament.mt/media/126036/online-bill-89.pdf.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Għall-ewwel darba Malta se jkollha awtorità ffukata fuq il-klima
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Għall-ewwel darba Malta se jkollha awtorità ffukata fuq il-klima
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow