Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Il-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla għall-bdiewa Maltin u Għawdxin

pr240152
Date Icon 01/02/2024

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jagħmel referenza għall-istqarrija tal-kelliem tal-Oppożizzjoni u jinnota b'ħasra kif minflok kontribuzzjoni għas-settur, il-kelliem tal-Oppożizzjoni rewwaħ gidba fil-konfront tal-Ministeru. Fil-fatt dan il-Gvern jissimpatizza mal-karba tal-bdiewa meta wieħed iqis l-isfidi reali u sostanzjali li l-bdiewa fl-Ewropa ffaċċjaw f'dawn l-aħħar snin. 

Fil-fatt, il-Gvern jieħu nota tal-fatt li l-protesti tal-bdiewa u raħħala Maltin huma immirati primarjament lejn il-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet Ewropej li huma maqtugħa kompletament mir-realtajiet li jgħixu huma. 

Għal kuntrarju ta' dan, il-Gvern ta' Malta dejjem kien viċin is-settur, b'riformi kuraġġużi u importanti bħal dik tal-qbiela. Riforma oħra li saret biex tagħti ċertezza lis-settur u s-sostenibbiltà tiegħu għas-snin li ġejjin. 

Ma' dan wieħed jista' jagħmel referenza wkoll għall-għajnuniet kontinwi u appoġġ li ngħataw il-bdiewa u raħħala fis-snin li għaddew. 

Fil-fatt dan il-Gvern ma qgħadx lura lanqas mill-għajnuniet biex jkun hemm irkupru b'saħħtu mill-effetti tal-pandemija, b'għotjiet b'saħħithom lill-bdiewa u  lir-raħħala tal-bhejjem. Biex intaffu mill-impatt tal-gwerra tal-Ukrajna, kienu ddedikati miljuni ta' ewro wkoll f'għajnuniet lir-raħħala tal-ħalib, skemi tal-fertilizzant u hemm ukoll il-fodder scheme. 

Iżda, ma dawk l-inizjattivi maħsuba biex jilqgħu għaċ-ċirkostanzi internazzjonali hemm ukoll għadd kbir ta' inizjattivi oħra għall-bdiewa. Fuq quddiem nett l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa tela' minn €30 għal kull tomna għal €84, b'nefqa totali ta' madwar €15-il miljun. Dan filwaqt li għall-bdiewa żgħażagħ, hemm inċentiv ta' €60 għal kull tomna raba li jaħdmu.  

Iktar minn hekk ⁠bejn l-2019 u l-2023, €79 miljun f'fondi ngħataw direttament il-bdiewa biex jinvestu f'makkinarju, inġenji u binjiet. Ma' dawn €⁠190 miljun f'fondi Ewropej ġew allokati għall-Agrikoltura wara n-negozjati tal-Gvern Malti għall-perjodu 2021-2027. 

Fl-2023, kienu ddedikati €21 miljun biex bdiewa investew f'proġetti f'żoni rurali, liema nefqa tal-Gvern issa se titla għal €25 miljun fis-sena 2024. 

⁠Kien dan il-Gvern ukoll li nieda skema għas-settur tal-majjal b'impenn għal ħames snin li bdiet fl-2021 u n-nefqa tagħha hi ta' madwar nofs miljun ewro fis-sena. Ma' dawn wieħed jista' jsemmi għajnuniet għar-raħħala u s-settur tat-tadam wara negozjati b'suċċess għall-iskema Coupled Income Support. 

Il-Gvern kien bil-provi ta' spalla għas-settur meta dan kien fil-bżonn.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow