STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar minn 160 għaqda taż-żgħażagħ mgħotija fondi biex iwettqu proġetti fil-komunità
Waqt serata mtella' minn Aġenzija Żgħażagħ, aktar minn 160 għaqda volontarja taż-żgħażagħ jew għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ, ibbenefikaw minn fondi sabiex iwettqu proġetti fil-komunità permezz ta' skemi maħruġa minn Aġenzija Żgħażagħ. Dawn il-fondi jammontaw għal madwar €735,000.
Preżenti għal din is-serata kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti fejn ippremja lil dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-iskemi.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari tenna s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma kontinwa li jwettqu dawn l-għaqdiet volontarji fil-komunità u kemm il-pajjiż għandu bżonn aktar volontiera sabiex ikomplu joħolqu l-ġid għaċ-ċittadini.
“Din iċ-ċerimonja hija xhieda ħajja ta' kemm iż-żgħażagħ u għaqdiet taż-żgħażagħ qegħdin jaħdmu għall-ġid tal-komunità f'pajjiżna. Aħna nemmnu fikom, tant li ta' kull sena qegħdin inżidu l-investiment mogħti lilkom iż-żgħażagħ. Dawn il-fondi huma kontribut żgħir ta' apprezzament għall-ħidma li twettqu, filwaqt li ninkoraġġukom tkomplu l-ħidma tagħkom għall-benefiċċju tas-soċjetà," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti, filwaqt li rringrazzja lill-Aġenzija Żgħażagħ tal-ħidma tagħha ma' dawn l-għaqdiet.
Tkellmet ukoll il-Maniġer tal-Youth Empowerment Unit fi ħdan Aġenzija Żgħażagħ, Maria Carmela Borg, fejn qalet kemm l-Aġenzija kibret sa mit-twaqqif tagħha.
“Aġenzija Żgħażagħ ġiet imwaqqfa bil-għan li tgħin l-għaqdiet taż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ biex ikabbru u jtejbu l-operat tagħhom fis-soċjetà. Din is-sena komplew jiżdiedu l-fondi sabiex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma soċjali tagħhom. Mill-iskemi maħruġa mill-Aġenzija kemm ilha mwaqqfa bbenefikaw madwar 121,500 żagħżugħ u żagħżugħa, b'aktar minn 1000 proġett, u b'fondi mgħotija li jaqbżu ż-€2.5m," sostniet Sa Borg.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934