Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Jitnieda l-programm tal-Karnival fil-Ħamrun, il-Marsa u l-Mosta

pr240127
Date Icon 30/01/2024

Tnieda l-programm ta' avvenimenti marbuta mal-Karnival fil-lokalitajiet tal-Ħamrun, il-Marsa u l-Mosta, liema avvenimenti se jittellgħu b'kollaborazzjoni bejn Festivals Malta u l-kunsilli lokali ta' dawn it-tliet lokalitajiet.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. 

Il-Karnival fil-Ħamrun se jittella' nhar il-Ħadd, 4 ta' Frar, mill-10 ta' filgħodu sas-1 ta' wara nofsinhar fi Triq San Ġużepp b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Fil-lokalità tal-Marsa se jittella' fit-8 ta' Frar u fil-lokalità tal-Mosta se jittella' fid-9 ta' Frar.  Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jkun fihom defilé b'karrijiet, maskeruni, u żeffiena, u fil-Ħamrun saħansitra l-parteċipazzjoni ta' numru ta' baned.

Il-Ministru Bonnici enfasizza l-importanza li din l-espressjoni kulturali Maltija, li tant hi għal qalb il-poplu Malti, tinfirex ukoll fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Huwa qal li minbarra dawn it-tliet lokalitajiet, li magħhom saret kollaborazzjoni bejn Festivals Malta u l-kunsilli lokali rispettivi, hemm lokalitajiet oħra li fihom se jittellgħu festeġġjamenti marbuta mal-Karnival u dan hu kollu ta' ġid biex il-kultura tkompli tixxerred fit-toroq u l-pjazez ta' pajjiżna.

“Din iċ-ċelebrazzjoni fl-irħula tagħna se tkun iċċelebrata permezz ta' festa ta' briju, kuluri u tradizzjoni bi programm mimli b'attivitajiet għall-familja kollha. Nirringrazzja lill-voluntiera tad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom fil-preparazzjonijiet għal dan l-avveniment, li fih jiġbor numru ta' talenti u ħiliet differenti," qal il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva ta' Festivals Malta u l-kollaborazzjoni mal-kunsill lokali sabiex jittellgħu attivitajiet tal-Karnival fil-qalba tal-lokalitajiet lil hinn mill-Belt Valletta u l-Furjana. Hija qalet li permezz ta' din l-inizjattiva ser inkomplu niċċelebraw il-kultura fuq bażi lokali u nippreservawha għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen ta' Festivals Malta Aaron Zahra qal: “Qed nieħdu l-Karnival fil-qalba tal-irħula, li jagħti ġieħ lil-legat tal-Karnival billi jerġa' jintroduċi elementi karnivaleski li ilhom neqsin mill-Karnival Malti għal deċenji. Billi niċċelebrawh lil hinn mill-Belt u l-Furjana, qed inkomplu nżidu l-aċċessibbiltà għal din iċ-ċelebrazzjoni, filwaqt li noħolqu opportunità għal aktar nies minn bnadi differenti biex jiċċelebrawh."

Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius semma kif il-Karnival ilu fostna għal bosta snin u huwa tradizzjoni li ilha tinġarr minn ġenerazzjoni għall-oħra għal mijiet ta' snin. Sostna li għalkemm il-Belt Valletta huwa l-post fejn il-Karnival jilħaq il-qofol tiegħu, din is-sena l-Karnival qed jirritorna fil-Ħamrun u f'lokalitajiet oħra f'kollaborazzjoni sħiħa mal-kunsill lokali.

Id-Direttur Artistiku Jason Busuttil qal, “Fil-Karnival ta' din is-sena se jerġa' jkollna bosta kollaborazzjonijiet ma' bosta kunsilli lokali li ser jorganizzaw il-karnival fil-bliet u rħula tagħhom. Dan juri l-kobor ta' din il-festa tant għal qalbna. Festivals Malta tibqa' kommessa li tkun ta' għajnuna għal dawn Il-kunsilli lokali."

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi u s-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Jitnieda l-programm tal-Karnival fil-Ħamrun, il-Marsa u l-Mosta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Jitnieda l-programm tal-Karnival fil-Ħamrun, il-Marsa u l-Mosta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow