STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA Se tittella’ The British Military Walk fl-Imdina, ir-Rabat u l-Imtarfa fi tmiem il-ġimgħa
Fi tmiem il-ġimgħa ġej, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), flimkien mal-Kunsilli Lokali tal-Imdina, tar-Rabat u tal-Imtarfa, se ittella' l-attività The British Military Walk.
L-attività se tinkludi rotta tal-mixi li tgħaddi minn postijiet varji fil-lokalitajiet imsemmija; li għandhom taħlita ta' storja, arkitettura u natura; fejn wieħed se jkun jista' jara fdalijiet tal-perjodu Brittaniku, mini medjevali u numru kbir ta' ħaġar arkitettoniku prezzjuż.
Stħarriġ riċenti mill-MTA wera li madwar 28% tat-turisti li żaru l-Gżejjer Maltin, ipparteċipaw f'attivitajiet fuq barra fejn marru jimxu madwar Malta. L-għan ta' dan il-proġett huwa li jinħolqu rotot ġodda fejn dawn it-turisti jistgħu jesploraw ukoll postijiet li mhumiex magħrufa daqs postijiet turistiċi oħrajn.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt it-tnedija ta' din l-attività mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, fil-preżenza taċ-Chairperson tal-MTA, Gavin Gulia, u tas-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud.
Il-Ministru Clayton Bartolo spjega li dan il-proġett se jikkontribwixxi għal turiżmu sostenibbli billi tingħata iżjed importanza lill-komunitajiet lokali. “Il-British Military Walk se tgħin biex jinħoloq iżjed materjal informattiv li juri iżjed il-potenzjal ta' kull lokalità involuta f'dawn il-mixjiet. Dan il-materjal jinkludi fuljetti informattivi b'mapep aġġornati u tabelli informattivi installati f'postijiet ta' interess fil-lokalitajiet," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
Iċ-Chairperson Gavin Gulia qal li l-MTA se tkompli taħdem biex jiġu kkumbinati esperjenzi turistiċi ma' dawk lokali. “Turisti li jżuruna se jkollhom l-opportunità li jesperjenzaw il-ħajja lokali billi jipparteċipaw f'attivitajiet tal-komunità lokali. Għandna wkoll għanijiet oħra relatati ma' dan il-proġett li jinvolvu żieda fit-turiżmu relatat ma' wirt storiku u rurali, titjib fil-konnettività bejn postijiet b'wirt storiku u rurali u distribuzzjoni aħjar tal-qligħ mit-turiżmu madwar il-pajjiż kollu," qal is-Sur Gulia.
Is-Sindku Kyle Mifsud irrimarka li dawn it-tip ta' attivitajiet jgħinu bil-kbir biex it-turiżmu f'pajjiżna jinfirex f'lokalitajiet li għandhom ħafna x'joffru iżda qatt ma ġie sfruttat il-potenzjal tagħhom matul is-snin.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934