STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Irrestawrata l-faċċata tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta
Wara snin ta' xogħol ta' restawr, ġiet inawgurata l‑faċċata tal‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta. Dan sar b'investiment ta' €225,000, b'kofinanzjament ta' 80% minn fondi Ewropej, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Dan ix-xogħol ġie inawgurat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Chris Fearne u mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi waqt żjara fil-Palazz, li huwa wieħed mill-kullana ta' proġetti li jiffurmaw parti mill-Heritage Trail, li huwa wkoll ffinanzjat mill-istess Fond Ewropew.
Matul is‑snin, il‑Palazz tal‑Arċisqof, li hu bini ta' Grad 1, ġarrab ħsarat strutturali, kif ukoll ħsarat fl‑arkitettura tal‑faċċata u għalhekk il‑proċess ta' restawr kien jinvolvi t-tneħħija t'oġġetti żejda li kienu mwaħħla mal‑faċċata, tindif tal‑ġebla u l‑konkos, u t-tibdil ta' xi ġebel.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar is-sinerġija bejn il-Kurja ta' Malta u d-Dipartimenti li jamministraw il-Fondi Ewropej li jirċievi pajjiżna, li qed twassal sabiex jiġu ppreservati numru ta' binjiet storiċi u kulturali madwar Malta u Għawdex, li ħafna minnhom huma proprjetajiet ekkleżjastiċi. Huwa fakkar li inizjattivi ta' restawr li jiffurmaw parti minn proġetti bħall-Heritage Trail, li huma possibbli permezz ta' dawn il-fondi Ewropej, mhux biss iżewqu l-patrimonju kulturali Malti, iżda jżidu wkoll il-valur turistiku tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li hu ta' sodisfazzjon li ġie inawgurat ir‑restawr tal‑faċċata tal-Palazz tal‑Arċisqof, li hu bini li għandu valur kbir storiku fil‑Belt Kapitali tagħna. Huwa qal li l‑Knisja f'Malta għandha għal qalbha l‑patrimonju kulturali u reliġjuż u tfittex bis‑sħiħ li tħarsu, u sostna li dan hu impenn kostanti, kif jixhdu għadd ta' proġetti li saru matul is-snin.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934